L-Airmalta tippjana “kampanja aggressiva” ta’ reklamar

Hekk kif mill-1 ta’ Lulju li ġej l-ajruport jiftaħ għat-titjiret minn u lejn 17-il pajjiż u żewġ reġjuni fl-Italja l-Airmalta qed tippjana dik li qed tiġi deskritta bħala “kampanja aggressiva” ta’ reklamar.

Kien iċ-Ċermen tal-kumpanija, in-Nutar Charles Mangion, li stqarr dan ma’ Inewsmalta wara li tlabnieh reazzjoni dwar id-deċiżjoni li l-ajruport jinfetaħ għall-vjaġġi anke jekk f’numru limitat ta’ destinazzjonijiet.

Il-pajjiżi li lejhom se jinfetħu t-titjiriet huma l-Iżlanda, is-Slovakkja, Ċipru, il-Litwanja, l-Iżrael, il-Latvja, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Finlandja kif ukoll ir-reġjun ta’ Sardinja u Sqallija fl-Italja.

In-Nutar Mangion qalilna li l-linja nazzjonali hija ippreparata biex fl-imsemmi jum terġa’ tibda ttir u bħalissa għaddejja bil-‘business plan’ biex tkun tista’ tagħmel dan.

Mistoqsi jekk se jkunx hemm xi offerti biex tħajjar aktar lin-nies biex isiefru, huwa weġibna li fiż-żgur se jkollha “kampanja aggressiva” fejn jidħlu offerti u reklamar għalkemm ma xtaqx jiżvela d-dettalji għax għadhom jitħejjew.

Dwar il-kwistjoni mal-bdoti tal-ajru n-Nutar Mangion qalilna li t-taħdidiet bejn iż-żewġ naħat għadhom għaddejjin u hemm ftehim ta’ ‘non-disclosure’ bejn iż-żewġ naħat jiġifieri ma setgħu jgħidu xejn dwar dan.

L-ALPA, li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-piloti tal-ajru, hija l-unika unjin rappreżentanta ta’ ħaddiema fil-kumpanija li mhux taċċetta dak li trid l-Airmalta.

Wara li l-GWU u l-unjin tal-inġinieri kienu aċċettaw it-tnaqqis fil-paga minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, ftit tal-jiem ilu anke l-unjin li tirrappreżenta l-‘cabin crew’ qablet biex jiġu salvati l-impjiegi.

Share With: