Konservat qabar storiku fis-sit tas-Central Link Project f’Ħ’Attard biex jitgawda mill-pubbliku

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera żaru s-sit tas-Central Link Project f’Ħ’Attard fejn instab mirdum qabar storiku li permezz ta’ ħidma delikata minn Infrastructure Malta taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ġie ikkonservat u se jibqa’ mikxuf biex jitgawda mill-pubbliku. L-operazzjoni swiet aktar minn €250,000 u saret minn kuntratturi speċjalizzati b’makkinarju apposta.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Meta nagħmlu dawn it-tip ta’ proġetti, naħdmu id f’id mal-entitajiet kollha involuti, inkluż dawk li bħalna għandhom bħala prijorità l-ħarsien tal-interessi tal-poplu Malti. Sejbiet bħal dawn ma jiġrux b’kumbinazzjoni, imma għax inkunu qegħdin naħdmu skont il-gwida tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u x-xogħol ikun qiegħed isir bil-galbu, tant li jagħtina opportunità mhux biss nagħmlu sejbiet bħal din tal-lum imma biex nikkonservaw il-wirt ta’ pajjiżna. Il-progress u l-konservazzjoni għandhom jimxu id f’id. Ejja nkomplu naħdmu biex nimxu ’l quddiem filwaqt li nħarsu l-wirt tagħna biex nagħtu ġieħ lil dawk ta’ qabilna u nħalluh lil min ġej warajna.”

“Huwa ta’ pjacir li għall-ewwel darba ġie ppreservat qabar ta’ żmien il-Puniċi, b’ħidma konġunta bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Infrastruttura Malta. Huwa importanti li jintlaħaq il-bilanċ bejn in-neċessitajiet infrastrutturali u l-bżonnijiet patrimonjali u ambjentali tagħna,” sostna l-Ministru José Herrera.

Din l-operazzjoni kienet tinkludi l-kisi temporanju tal-intern tal-qabar b’materjal apposta tat-tip geotextile u mili b’expansion foam u expanded polystyrene. Wara dan, inqatgħet trinka wiesgħa u fonda ta’ madwar sular mingħajr damdim f’forma ta’ skorfina fil-blat ftit ’il bogħod minn fejn kien hemm il-fdalijiet. Imbagħad sar ċintorin tal-konkos u ħadid madwar il-blokka fejn kien jinsab il qabar biex din tissaħħaħ u nqatgħet mill-qiegħ qabel isserrħet fuq travi tal-ħadid. Din imbagħad intrefgħet u tpoġġiet f’post identifikat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fejn il-qabar se jibqa’ aċċessibbli.

Central Link Project jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta arterjali bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali favur aktar effiċjenza, inqas tniġġis fl-arja u faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tat-trasport. Arkeologi approvati mis-Sovrintendenza qed isegwu t-twettiq ta’ dan il-proġett biex tiġi żgurata ħidma kkordinata favur il-konservazzjoni.

Share With: