Jitħawlu aktar minn 2,200 siġra fil-park ġdid tal-familja f’Birżebbuġa

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żaru l-Park tal-Familja f’Bengħisa, fejn fl-ewwel fażi ta’ dan il-park f’Birżebbuġa, tħawwlu aktar minn 2,200 siġra indiġena, il-maġġorparti minn Infrastructure Malta.

60,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ se jingħata lura lill-pubbliku fi proġett tal-Park tal-Familja f’Bengħisa mmexxi mill-Ministeru għat-Turiżmu permezz ta’ Parks Malta, entità taħt l-istess Ministeru. F’din l-ewwel fażi tal-proġett, Infrastructure Malta kienet responsabbli mit-tħawwil u l-ippjantar tas-siġar indiġeni.
Fit-tieni parti tal-proġett, il-Ministeru għat-Turiżmu se jkun qed jara li f’dan park għall-familja jinħolqu passaġġi u żoni miftuħa li jinkludu fihom żona għall-kampeġġ. Il-park se jkun komplut b’aċċess sigur għal kull min se jagħmel użu minnu, għamara tal-ġonna, latrini u l-faċilitajiet tal-kampeġg. Dan filwaqt li s-siġar li jkunu tħawwlu fl-ewwel fażi jkunu bdew jimmaturaw sabiex jitgawdew b’mod sħiħ minn kull min jiġi f’dan il-park. It-tielet u l-aħħar fażi se tinbeda wara li jkun fetaħ il-park, u tikkonsisti mill-konservazzjoni ta’ bunker ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li hemm fil-post.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, fakkret kif fl-2010 taħt amministrazzjoni oħra, din l-art kienet ippjanata li sservi ta’ estensjoni għall-Port Ħieles. Qalet ukoll li dan il-Gvern għażel li l-art titgawda mill-famliji fin-Nofsinhar ta’ Malta bħala spazju miftuħ u sservi wkoll ta’ żona li tissepara l-operat tal-Port Ħieles miż-żoni residenzjali ta’ Birżebbuġa.
“Irridu li nibqgħu ntejjbu l-kwalitá tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar. Dan il-proġett huwa importanti ferm għal dan il-għan u huwa ħolqa oħra f’katina ta’ proġetti li qegħdin nagħmlu f’dan il-lokal. Fost oħrajn hemm il-proġett tal-parkeġġ li bdejna naħdmu fuqu din is-sena u t-tisbiħ ta’ Wied il-Buni jew aħjar kif magħruf minn kulħadd il-promenade, ftit metri ‘l bogħod min hawn.”
Farrugia Portelli għamlet aċċenn ukoll li l-Gvern qed ikompli jtaffi l-impatt li jġib miegħu l-operat tal-Port Ħieles fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa anki permezz tal-miżura tal-On-Shore Power Supply li hija l-ewwel pass għas-Ship-to-shore, fost numru ta’ miżuri oħra li ttieħdu u li ser jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Il-Ministru qalet ukoll li dan l-ispazju miftuħ jista’ jitgawda wkoll minn dawk it-turisti li fil-jiem tagħhom f’pajjiżna jkunu jixtiequ esperjenza kemmxejn iżjed kwieta fin-natura Maltija.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Permezz ta’ Infrastructure Malta, hawnhekk qed inħawlu aktar minn 2,200 siġra u arbuxxell indiġeni f’dak li se jkun pulmun ġdid għan-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Dan huwa parti minn impenn usa’ li nħawlu eluf ta’ siġar fi spazji varji kemm fl-ambjent rurali kif ukoll fl-urban. Fl-2019 biss ħawwilna aktar minn 8,700 siġra f’40 post differenti, u fl-2020 s’issa diġà ħawwilna 4,130 siġra u madwar 3,000 arbuxxell f’diversi postijiet differenti. Qed nippjanaw aktar minn din il-ħidma li timxi id f’id mal-impenn tagħna li nnaqqsu l-konġestjoni u nagħmlu għażliet tat-trasport aktar sostenibbli għal kwalità tal-arja aħjar.”

Huwa faħħar lill-aġenzija Infrastructure Malta tal-impenn f’Bengħisa li jinkludi sistema ta’ irrigazzjoni li se tiffaċilita l-manutenzjoni ta’ dawn l-istess siġar, u qal li l-aġenzija se tkun qed tieħu ħsieb dawn is-siġar għaż-żmien li ġej sa ma jinfetaħ għall-pubbliku.
“Importanti li meta nagħmlu xi ħaġa, nagħmluha b’mod ħolistiku li ma jħarisx biss lejn parti żgħira mill-istampa. Is-sistema ta’ irrigazzjoni hija eżempju ċar ta’ pjan fit-tul – li nħawlu s-siġar huwa tajjeb, imma rridu nżommuhom ħajjin u b’saħħithom ukoll. Dan it-tip ta’ ppjanar jidher biċ-ċar anke fiż-żamma ta’ ħamrija minn proġetti tat-toroq li mbagħad tintuża għal proġetti ta’ afforestazzjoni u landscaping. Impenjati li ntejbu l-kwalità ta’ pajjiżna, u se nkomplu naħdmu għal aktar spazji miftuħa. Inħarsu ‘l quddiem biex naraw aktar progress anke fil-Malta National Park ftit aktar lejn iċ-Ċentru u t-Tramuntana f’Ta’ Qali.” 

Share With: