Ippreżentat rapport tekniku dwar il-lokalizzazzjoni tal-mowbajl ta’ Chris Cardona fil-Ġermanja

Hekk kif illum se tkompli l-inkjestsa pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, illum mistenni jagħti x-xhieda tiegħu l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri. Magri mistenni jippreżenta informazzjoni dwar road blocks li twettqu fil-viċinanzi tal-dar ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija.

Agħmel refresh għall-aħħar aġġornamenti

10.30: L-inkjesta tkompli wara l-bibien magħluqin.

10.29: Tiġi fi tmiemha x-xhieda ta’ Castillo.

10.28: Castillo jgħid li dan kien ix-xogħol ta’ kriminal professjonali.

10.27: Castillo jgħid li sar attakk ieħor fuq il-blog ta’ Caruana Galizia, b’din id-darba l-attakk ċibernetiku jkun wieħed DDoS li jwassal biex is-sit ma jkomplix jaħdem.

10.26: Jgħid li kieku l-attakk ċibernetiku kien suċċess, kieku l-persuni wara l-attakk kienu jistgħu jieħdu u jippubblikaw informazzjoni fuq il-blog. Jgħid li l-attakk potenzjalment seta’ jwassal biex jiġu identifikati s-sorsi tagħha.

10.24: Castillo jgħid li l-attakk ma kienx wieħed solitu, iżda kien qed isir minn persuna li kien jaf l-ismijiet ta’ persuni u l-imejls tagħhom. L-imejl kienet qed titlob għal DNS servers u informazzjoni oħra.

10.23: Ir-rapport huwa tekniku u fid-dettall. Jgħid li l-kumpanija tiegħu, li kienet tieħu ħsieb il-blog ta’ Caruana Galizia mil-lat tekniku, kienet irċeviet imejl b’mistoqsijiet dwar kif jista’ jinkiseb aċċess għall-blog. L-imejl, li kienet tgħid li ntbagħtet minn Caruana Galizia nnifisha, realment kien attakk ċibernetiku.

10.21: Jibda jagħti x-xhieda tiegħu Ian Castillo. Comodini Cachia tistaqsi dwar rapport li kien mitlub jagħmel minn Daphne Caruana Galizia u titolbu tispjegah f’termini sempliċi.

10.20: Wara li jwieġeb mistoqsijiet dwar ir-rapport tekniku, Cutajar itemm ix-xhieda tiegħu.

10.10: Azzopardi jikkwota blog ta’ Caruana Galizia li kien jitkellem dwar l-attendenza ta’ Cardona u l-assistent tiegħu għal konferenza f’Essen fuq medda ta’ jumejn u nofs.

10.03: L-espert jindika li l-mowbajls inkwistjoni setgħu kienu f’Velbert l-istess daqs kemm kienu f’Essen.

09.56: L-Avukat Therese Comodini Cachia, li qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia, tistaqsi liema hija ż-żona koperta mill-antennas użati biex issir it-trijangolazzjoni tal-pożizzjoni tal-mowbajl. Cutajar jgħid li l-antenna tinstab 2-3 kilometri fit-Tramuntana ta’ Essen, mhux ’il bogħod minn Velbert. L-Avukat Jason Azzopardi juri l-entużjażmu tiegħu għal din l-informazzjoni. Caruana Galizia kienet allegat li Cardona, flimkien ma’ assistent tiegħu, kienu żaru burdell f’Velbert f’Jannar tal-2017.

09.53: L-espert tal-informatika Keith Cutajar jippreżenta rapport tekniku li jikkonċerna l-ġeolokalizzazzjoni tal-mowbajl tal-eks-Ministru Chris Cardona fil-Ġermanja fil-bidu tal-2017 waqt żjara uffiċjali. L-espert ma rnexxilux jagħmel trijangolazzjoni tal-pożizzjoni eżatta tal-mowbajl.

Share With: