Il-Prim Ministru mhux ħati ta’ ksur ta’ privileġġ

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma sabx lill-Prim Ministru Robert Abela ħati ta’ ksur ta’ privileġġ waqt is-seduta tal-10 ta’ Ġunju li matulha ġie diskuss il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Gvern b’rabta mal-Covid-19.

Kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li talbu jiddikjara li Abela ma kienx qed jgħid is-sewwa meta rrimarka li wara l-każ tal-immigranti huwa kien qed jagħmel it-tieni talba għal inkjesta dwar il-Prim Ministru b’dik fuq fondi pubbliċi użati fuq Facebook.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Ispeaker irrimarka kif Abela kien irtira l-kumment tiegħu fl-istess seduta u iddeskriva l-battibekk bejn iż-żewġ naħat waqt l-imsemmija seduta bħala ‘political bickering’.

L-Ispeaker innota kif fl-istess seduta Karol Aquilina kiser l-ordnijiet tal-Parlament meta baqa’ jinterrompi lill-Prim Ministru minkejja li wissih biex ma jibqax jaġixxi kif kien qed jagħmel.

Fl-istess waqt huwa żied li min-naħa l-oħra l-Prim Ministru kellu joqgħod aktar attent fl-użu tal-kliem tiegħu biex ma jkunx hemm malintiż fil-kritika tiegħu.

Share With: