Il-Prim Ministru jemfasizza l-għaqda li tikkaratterizza lill-PL

F’intervista li żvolġiet fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru robert Abela, fost punti oħrajn, tkellem dwar l-għaqda li tikkaratterizza lill-PL, speċjalment fid-dawl tal-proċess li se jkun qed iwassal biex jingħażel Deputat Mexxej ġdid Laburista għall-Affarijiet tal-Partit.

Abela tenna li ħaġa li tikkaratterizza lill-PL hija li l-bibien tal-partit huma dejjem miftuħin għal kulħadd.

Huwa rrefera għar-rwol tad-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit, rwol li ddeskrivih bħala kruċjali minħabba l-funzjonijiet li jkopri speċjalment mil-lat ta’ implimentazzjoni tal-manifest elettorali, u kif ukoll li jservi bħala skrutinju fuq il-ħidma tal-Gvern.

Il-Prim Ministru tenna li l-PL se jkun qed joħroġ ’il barra mill-kwartieri fil-proċess li se twassal għall-għażla, b’referenza għall-attività li l-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-partit se jkunu qed jagħmlu għada fil-lokalità ta’ Marsaxlokk biex jisma’ wkoll dak li jridu jgħidu n-nies.

Huwa qal li għada se jkun qed jiskatta l-mekkaniżmu ta’ bidla fl-istatut, fejn id-dibattitu prinċipali huwa jekk il-partit għandux jerġa’ jmur lura għal rwol ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit li jkun kopert minn persuna li ma tkunx qed isservi bħala deputat parlamentari. Dan biex il-persuna li se tkun qed tinħatar ikun iffukat fuq il-ħidma tal-partit, b’mod speċjali issa li l-PL jinsab fil-gvern.

Share With: