Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jiġi ppreżentat bil-ktieb ‘L-Elf Mistoqsija ta’ Dino Ricciolino Dwar il-Virus Corona’

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ġie ppreżentat bil-ktieb ‘L-Elf Mistoqsijia ta’ Dino Ricciolino Dwar il-Virus Corona’, liema pubblikazzjoni saret bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u huwa mmirat għal tfal bejn it-tliet snin u l-għaxar snin.

Minħabba l-pandemija kawża tal-virus Corona (Covid-19), ħafna familji madwar id-dinja, speċjalment it-tfal, raw id-dinja tagħhom tinbidel mil-lejl għan-nhar. L-għan ta’ dan il-ktieb ċkejken hu li jispjega b’mod ċar u ħafif, imma xjentifikament korrett, il-ħafna mistoqsijiet li jkollhom it-tfal.

Il-Ministru Bonnici qal li, “l-għarfien huwa l-ewwel pass biex wieħed jifhem l-affarijiet li jkunu qed jiġru, għalhekk b’dan il-ktieb it-tfal qed jingħataw għodda bżonnjuża biex jaffaċċjaw ir-realtà imma wkoll iżidu fis-sens ta’ responsabbiltà biex jipproteġu lilhom infushom u lil qrabathom. Din il-pubblikazzjoni hija wkoll ta’ għajnuna lill-familji biex iwieġbu l-mistoqsjiet b’mod ċar”.

“Ħadt gost bid-deċiżjoni li jkun ktieb bilingwi, bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż. Dan sabiex nilħqu t-tfal kollha f’Malta u Għawdex. Ser inkunu qed nagħtu wkoll l-eBook bil-Malti u bl-Ingliż b’xejn lill-istudenti”, żied jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-pubblikatriċi tal-ktieb spjegat kif, “l-awtriċi Chaira Battistelli bagħtitli dan il-manuskritt f’Marzu li għadda u flimkien mal-illustrazzjonijiet ta’ Onda S., deher ċar li dan jista’ jagħti lok għal pubblikazzjoni edukattiva tassew tajba u għalhekk aċċettajtu. Permezz tat-traduzzjoni għal Malti tal-ktieb ‘The Thousand Questions of Dino Ricciolino About The Coronavirus’ ridna fl-aħħar nett noħorġu s-sabiħ ta’ lsienna u l-potenzjal tiegħu meta jiffaċċja l-isfidi sabiex tinstab terminoloġija adegwata li tista’ tintuża fil-ħajja ta’ kuljum. 

Huma rringrazzjaw lil kull min ħa sehem fil-produzzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni speċjalment lis-Sur David Muscat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li wera appoġġ mill-bidu nett. It-traduzzjoni ghall-Malti saret minn Joanne Micallef, waqt li Toni Aquilina kien l-editur. Il-qari tal-provi sar mill-Agenzija stess waqt li l-editjar tal-verżjoni bl-Ingliż sar minn Proofreading Malta.  Id-disinn tal-ktieb sar minn Naomi Gatt.

Share With: