Il-Ministru għal Għawdex jindika “flow tajba” bejn iż-żewġ gżejjer

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri irrimarka li fi tmiem il-ġimgħa kien hawn dak li iddeskriva bħala “flow tajba ħafna” fil-vjaġġi bejn Malta u Għawdex.

Huwa rrimarka dan fil-Parlament waqt li kien qed iwieġeb għal diversi mistoqsijiet parlamentari b’rabta mal-gżira Għawdxija.

Dan kien konfermat ukoll fi stqarrija li ħarġu b’mod konġunt kemm il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll dak għat-Turiżmu fejn jirriżulta li bosta stabbilimenti irrappurtaw li kellhom aktar minn 90% okkupanza fi tmiem il-ġimgħa.

Fil-Parlament Camilleri semma kif il-vapur “MV Nikolaos” mistenni jerġa’ jkun Malta fid-29 ta’ Ġunju biex b’hekk il-Gozo Channel tkompli tilqa’ għad-domanda fil-vjaġġi li reġgħu issuktaw wara r-restrizzjonijiet minħabba l-Covid19.

Il-Ministru għal Għawdex kien mistoqsi wkoll dwar il-fatt li hemm madwar 3,300 Għawdxin li jaħdmu Malta u x’qed isir biex aktar nies minn Għawdex jaħdmu fil-gżira.

Huwa qal li l-Gvern qed jaħdem dwar dan ukoll u irrefera għal żewġ skemi li ġew imnedija dakinhar stess biex jinħoloq aktar xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.

Iż-żewġ skemi li irrefera għalihom huma l-Gozo Back Office Scheme u l-Gozo Business Relocation Scheme.

Dwar l-ewwel skema kull kumpanija tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €35,000 fis-sena minn din l-iskema fejn jingħata rimborż parzjali tas-salarju sa massimu ta’ €8,700 għal kull impjegat fuq medda ta’ tliet snin skont il-paga tal-impjegat.

Fir-rigward tat-tieni skema din toffri għajnuna finanzjarja fuq żewġ binarji bl-ewwel wieħed ikun rimborż, skont in-numru ta’ impjegati proposti, għall-ispejjeż tar-rilokazzjoni, sa massimu ta’ €3,750 kif ukoll pakkett finanzjarju sabiex iservi bħala sapport inizjali fejn ser tiġi offruta s-somma ta’ €1,000 għal kull impjegat elenkat fil-pjan ta’ rilokazzjoni tan-negozju sa massimu ta’ €40,000.

Share With: