Il-GWU b’sensiela ta’ proposti għall-baġit tat-Tnejn

Fost oħrajn tissuġġerixxi li l-għajnuna lill-kumpaniji tissokta, inċentivi fit-taxxi, jitkompla t-‘telework’ u vawċers għall-konsum tad-dawl…

Il-GWU ressqet il-proposti tagħha għall-baġit speċjali li se jippreżenta l-Gvern nhar it-Tnejn li ġej biex jistimula l-ekonomija wara l-impatt tal-Covid19.

Kien is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li ippreżenta dawn il-proposti waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li kienet indirizata wkoll mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Fost oħrajn il-GWU qed tipproponi li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lill-kumpaniji u n-negozji, fosthom f’sussidju fuq kirjiet, ma jinqatax f’daqqa imma b’mod gradwali u miegħu tkun marbuta l-kundizzjoni li ma jkunx hemm tkeċċijiet.

L-unjin trid ukoll inċentivi fit-taxxi, li l-l-proġetti kapitali jitkomplew u li jkun hemm ukoll inċentivi biex it-‘teleworking’ jitkompla fejn possibbli u ma’ dan qed tissuġġerixxi vawċers fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma la dan żdied peress li ħafna ħaddiema qed jaħdmu minn djarhom.

Il-GWU hija favur ukoll li l-prodott lokali jiġi mgħejjun biex ipatti għan-nuqqas ta’ esportazzjoni kif ukoll li anke jiġi inċentivat it-turiżmu lokali.

Għalkemm b’mod ġenerali l-ħaddiema se jirritornaw għax-xogħol minn nhar il-Ġimgħa l-GWU trid li l-Gvern jikkunsidra wkoll lil dawk li m’għandhomx ma’ min iħallu t-tfal għax se jkun hemm restrizzjonijiet fuq iċ-‘childcare centres’.

Qabel id-diskussjoni bejn l-imsieħba soċjali saret preżentazzjoni mill-Ministru Scicluna fejn dan informahom li l-pakkett għat-Tnejn li ġej kien għadu “work in progress” u kien lest jisma aktar proposti min-naħa tagħhom.

Huwa irrefera għall-andament ekonomiku fl-ewwel tliet xhur tas-sena fejn semma li, kif mistenni, l-ikbar daqqa ħadha s-settur tal-akkomodazzjoni li ra tnaqqis ta’ 18%.

Minkejja d-daqqa lill-ekonomija Malta rnexxielha tiflaħ għaliha iktar minn pajjiżi oħrajn u dan grazzi, fost oħrajn, għall-fatt li m’għamlitx ‘total lockdown’.

Huwa irrefera għall-għajnuna offruta mill-Kummissjoni Ewropea (KE) fejn reġa’ tenna li terz biss huwa f’għotjiet għax iż-żewġ terzi l-oħra huma self.

Il-Professur Scicluna semma kif il-KE trid li jkun hemm aktar dħul minn riżorsi tagħha stess li s’issa jikkonsistu fil-VAT u l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi membri.

Waqt li semma kif hija trid li jidħlu taxxi ġodda, il-Ministru tal-Finanzi wissa li dawk li trid jaffettwaw l-kompetittivita tal-pajjiż.

Fil-fatt semma li waqt li Malta mhix kontra li jkun hemm taxxa fuq il-plastik li ma jistax jiġi riċiklat mhux taqbel ma’ taxxi oħra li jaffettwaw ħażin lil pajjiżna bħal dawk li jolqtu l-ivvjaġġar u t-tbaħħir.

Share With: