Id-drittijiet tal-annimali

Minn ANTON REFALO, Ministru għall-Politika Agrarja, Sajd, Drittijiet tal-Annimali

Wieħed mill-oqsma li jiffurmaw parti mid-dekasteru li jien ġejt fdat biħ f’Jannar li għadda, hu d-drittijiet tal-Annimali. Sfortunatament sa ftit snin ilu d-drittijiet tal-annimali mhux biss kienu sekondarji iżda saħansitra wieħed jażżarda jgħid ineżistenti. Dan inkluż f’pajjizna. Il-liġijiet li jolqtu dan il-qasam kienu għadhom liġijiet primittivi, insuffiċjenti u li ma joffru l-ebda deterrent; l-infurzar kien ferm agħar u dan kollu a skapitu tal-annimali tagħna li kienu jsofru kemm f’idejn is-sidien tagħhom u kemm in kwantu ta’ annimali domestiċi u kemm meta jkunu annimali mrobbija għal qatla fi kliem iehor għall-konsum uman. 

Grazzi għall-Gvern Laburista kien hemm kambjament f’din is-sitwazzjoni fejn saħansitra ġiet iddedikata parti minn dekasteru Ministerjali għalijhom, kemm f’din il-leġislatura u kemm f’ta’ qabel. Ġew introdotti liġijiet ġodda illi jissalvagwardjaw l-ħarsien tal-annimali u li jassiguraw illi dawn mhux biss ikunu ħielsa minn kull tip ta’ sofferenza iżda li jgħixu f’dinjita’. Barra minn hekk ħraxu l-multi kontra min iwettaq moħqrija fuq l-annimali. L-iskop ma huwiex il-multa minnha nnifisha, iżda li din isservi ta’ deterrent għal min jiġi jaqa’ u jqum mill-annimali tiegħu. Fuq kollox ġie issodat d-Dipartiment tal-Animal Welfare u llum qegħdin fi stadju fejn nistgħu niftaħru bis-suċċessi li qed jagħmel dan id-Dipartiment fil-ġlieda tiegħu kontra l-moħqrija tal-annimali.

Kif appena ġejt fdat dan il-Ministeru mill-ewwel għamilt il-ħarsien tal-annimali wieħed mill-prijoritajiet tiegħi. Sfortunatment ġejna xi ftit imxekkla mill-ħidma tagħna bil-pandemija tal-Covid-19, li bħal f’kollox kienet bastun fir-roti mhux mistenni; iżda b’kollaborazzjoni mall-Kunsill għall-Harsien tad-Drittijiet tal-Annimali ħarisna l-quddiem biex inkomplu bir-ritmu li qbadna u dan biex inkomplu ntejjbu dan il-qasam tant delikat.  

Kif diga’ aċċennajt għal żmien twil id-drittijiet tal-annimali ftit li xejn kienu fuq l-aġenda tal-Gvernijiet preċedenti u dejjem ġew meqjusa bħala sekondarji. Għalhekk wahda mill-isfidi ewlenin f’dan il-qasam hi l-ħtieġa għal bidla fil-mentalita’. Ma rridx niġġeneraliżża pero’ baqa’ fejn intejbu sew f’dik li hija mentalita’ favur id-drittijiet tal-annimali. Irridu li kull individwu jkun konxju li l-annimali tagħna għandhom id-dritt li jgawdu dik id-dinjita’ li għalijha ġew maħluqa. Fl-aħħar mill-aħħar l-annimali huma parti mhux biss mid-dinja tagħna iżda minn ħajjitna u allura rridu nkunu kapaċi li ngħixu f’armonija sana magħhom. F’dan ir-rigward ma għandux ikun hemm distinzjoni bejn annimal li jitrabba bħala pet jew annimal li qed jitrabba għall-konsum uman. Tali annimal għandu jgawdi kull tip ta’ protezzjoni  minn kull tip ta’ moħqrija, sikkatura jew tbatija u fuq kollox li jkollu r-rispett ta’ min qed jindukraħ.   

Sabiex nkomplu ntejbu s-sitwazzjoni flimkien mall-Kunsill għall-Harsien tad-Drittijiet tal-Annimali fassalna flimkien seba’ punti li għandhom iservu ta’ qafas  għal dak  il-progress li għandu jsir f’dan il-qasam. 

L-ewwel punt huwa li jigi mniedi programm ta’ mass neutering li jkun intiż u dirett lejn il-qtates. Illum il-qtates huma l-aktar annimali li naraw jiġġerrew barra. Hafna drabi llum l-annimal li jiġġerra barra hu l-aktar annimal li jbati. L-annimal li mhux dejjem isib x’jiekol, li jrid jiffaċċja l-perikli tat-traffiku, li mhux dejjem għandu post adekwat fejn jorqod speċjalment fix-Xitwa u li hu aktar vulnerabbli biex jisfa’ vittma ta’ abbuż minn min m’għandux rispett lejn dawn l-annimali. Programm biex dawn l-annimali jiġu msewwija għandu jghin biex tonqos il-popolazzjoni tagħhom fuq medda ta’ żmien u hekk tonqos is-sofferenza għal dawn l-annimali.

It-tieni punt, u li jien aċċennajt ghaliħ aktar il-fuq f’dan l-artiklu huwa l-edukazzjoni tas-sidien, specjalment tal-qtates. Għalhekk qed jigi rrakkomandat li jsir programm edukattiv fejn is-sidien jiġu suġġeriti biex jiċċipjaw il-qtates tagħhom biex hekk jkun jista f’kull żmien jiġi identifikat sid l-annimal. Dan jikkonforma ma dak li seħħ f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja fejn tali suġġeriment ġie mogħti wkoll il-forza tal-liġi. Finalment tali programm edukattiv għandu jkun immirat sabiex iħajjar sidien jipparteċipaw fin-neutering tal-pets tagħhom. Hafna drabi qtates pets speċjalment dawk li jitħallew b’aċċess għal barra jispiċċaw ikollhom il-frieħ mhux mixtieqa, bil-konsegwenza li sfortunatament mhux l-ewwel darba li jispiċċaw ġo xi kaxxa fit-triq jew ġewwa xi skip. Bħala Ministeru aħna kommessi illi nwaqqfu dan l-abbuż, u l-mod ta’ kif dan l-abbuż jieqaf qabel ma jibda huwa billi s-sid jiġi persważ li jagħmel neutering tal-pet tieghu.

It-tielet punt jitratta l-bejgħ tal-qtates u l-klieb. Filwaqt li ħadd ma għandu jiġi mxekkel minn li jbiegħ il-frieħ tal-pets tieghu għandu jiġi assigurat li jkun hemm mhux biss micro chipping iżda reġistrazzjoni adekwata ta’ dawn it-transazzjonijiet, dan sabiex jiġu evitati istanzi t’abbuż fuq l-annimali li jispiċċaw qishom magni biex sidhom jaqla’ l-flus mill-frieħ tagħhom u li jitrabbew unikament għalhekk.

Ir-raba’ punt jolqot l-annimali tal-irziezet u li jitrabbew għall-konsum jew għall- prodott tagħhom bħal ma huma t-tigieg tal-bajd jew il-baqar tal-halib. Qed nipproponu li jsir studju segwit bi proposti dwar kif tista titjieb is-sitwazzjoni tal-annimali fl-irziezet, titnaqqas it-tbatija tagħhom u anke meta jiġu għal qatla, jiġi assikurat illi dan isir bl-aktar mod dinjituż.

Il-Hames punt jikkonċerna l-annimali slavaġ. Dawn l-annimali huma dawk li normalment jgħixu fis-selvaġġ barra minn Malta. F’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna ġew introdotti għadd ta’ annimali slavaġ, u dan kemm bħala pets fi djar privati kif ukoll f’parks. Bħala Ministeru se nkunu qed nassikuraw illi filwaqt li nkunu prattiċi jsir studju u qafas ġdid ta’ regolamenti li jassikuraw illi dawn l-annimali ma jbatux meta jkunu qed jinżammu f’kaptivita’. Jekk hemm bżonn għandhom jinġiebu esperti f’dan il-qasam li jagħtu pariri dwar l-istandards li fihom għandhom jgħixu dawn l-annimali biex l-ambjent fejn qed iqattgħu l-ħajja tagħhom jkun kemm jista jkun jixbaħ lil dak l-ambjent li huma adattati għaliħ.

Punt ieħor li qed ikun ta’ wġieħ ta’ ras huwa illi qed naraw ħafna każijiet fejn l-annimali speċjalment il-klieb qed jispiċċaw jibilgħu t-tossiku li jkun imxerred kemm fil-kampanja u kemm fl-ibliet taghna. Sfortunatament ikollna każi spissi fejn dan it-tossiku jitpoġġa rresponsabilment f’postijiet fejn ikun jista jiġi milħuq u mittiekel minn klieb u qtates li wara jispiċċaw imutu mewta miżera. Għandu jsir regolamentar tal-bejgħ u tqassim tat-tossiku kif ukoll kampanja edukattiva f’dan ir-rigward.

L-aħħar punt jitratta dwar it-twaqqif ta’ respite centre għall-annimali, fejn l-annimali li jinġabru mit-toroq jew li jiġu abbundunati jew li sidhom għal xi raġuni ġenwina ma jkunx jista jieħu ħsiebhom aktar, isibu l-kenn.  L-annimal f’dan ir-respite centre ma jiġix mraqqqad jekk ma jsibx min jadottaħ. Hekk l-annimal abbandunat mhux biss ikollu saqaf u ikel garantit iżda jkun jista jgawdi l-element ta’ mħabba li żgur li mhux ser isib fit-triq.

Dan il-proġett huwa wieħed ambizzjuż u jekk għandna l-ħila nwettquħ ser ikun t’għajnuna kbira fil-benesseri tal-annimali. Aħna bħala Ministeru ċertament se nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna biex dan il-programm jingħata l-ħajja kollu kemm hu. Ovvjament weħedna ma nistgħux niggarantixxu li se jirnexxi. Irridu għalhekk il-kooperazzjoni ta’ kulħadd. Iżda konvint li l-poplu Malti se jifhem il-benefiċċji ta’ dan il-programm u jikkoopera biex flimkien niġbdu ħabel wieħed għall-ġid tal-annimali tagħna.

Share With: