Fearne: Rases kbar huwa rakkomandat li jiġu evitati

Id-Deputat Prim Ministru jħabbar tilqima ġdida kontra l-Meninġite fil-formularju tal-Gvern

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li minkejja li l-każijiet tal-Covid-19 fl-Ewropa huma neżlin u Malta kienet proattiva biex iżżomm is-sitwazzjoni taħt kontroll, dan ma jfissirx li ma nibqgħux viġilanti u li huwa rakkomandat li jibqa’ jinżamm il-kunċett ta’ distanza soċjali ta’ madwar żewġ metri. Mistoqsi dwar jekk jistgħux isiru tiġijiet, il-Ministru Fearne qal li rases kbar huwa rakkomandat li jiġu evitati.

Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar li l-Gvern introduċa b’effett immedjat tilqima ġdida kontra l-marda tal-Meninġite fil-formularju tal-gvern. Huwa qal li l-Meninġite hija infezzjoni qawwija u ta’ kull sena f’Malta jkun hawn madwar 10-15-il każ ta’ Meninġite u kollha jkunu serji u ħafna minn dawn il-każijiet ikunu ta’ tfal jew żgħażagħ. Ħafna drabi dawn il-każijiet jiġru f’temp ta’ ftit sigħat fejn is-sitwazzjoni tiggrava u kollha jispiċċaw l-isptar. Traġikament darba kull sentejn jew tlieta jkun hemm mewt kawża tal-Meninġite.

Din it-tilqima l-ġdida, li se tingħata b’xejn, se tindirizza l-mikrobu tal-Meningococcus li huwa l-iżjed li jikkawża mwiet. B’hekk issa l-Gvern qed joffri t-tilqim kollu li jindirizza t-tliet mikrobi ewlenin li jikkawżaw il-Meninġite wara li ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern introduċa wkoll it-tilqima kontra l-Pneumococcus.

Permezz tal-introduzzjoni tat-tilqim tal-Meninġite l-Gvern se jkun qiegħed jinvesti mat-€3 miljun fis-sena u dan se jwassal għal iżjed protezzjoni tat-tfal. Il-Ministru Fearne qal li jekk it-tfal jingħataw it-tilqim kollu relatat mal-Meninġite, il-ġenituri se jkunu qed jiffrankaw €700 għal kull tarbija.

Share With: