“F’dan il-pajjiż spiċċajna kulħadd jgħid li jrid”

Il-Maġistrat Joe Mifsud f’waħda mill-konklużjonijiet tal-inkjesta 

“Lil hinn minn dan il-każ mhux sew li f’dan il-pajjiż spiċċajna kulħadd jgħid li jrid u ħadd ma jwieġeb għal għemilu u għal dak li jkun qal meta jirriżulta li kien falz jew kif inhu msejjaħ ‘fake news’”.

Hekk iddikjara l-Maġistrat Joe Mifsud f’waħda mill-konklużjonijiet li wasal għalihom f’aktar minn 400 faċċata tal-inkjesta li minnha ħareġ li ma tressqet ebda prova li l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi u l-ekwipaġġ tal-‘patrol boat’ P52 ippruvaw joqtlu immigranti.

L-inkjesta nfetħet wara denunzja li ressqu l-avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, Andrew Borg Cardona u Joe Ellis f’isem Manuel Delia, Robert Aquilina, Joe Pace Asciak, Marion Pace Asciak, Rosette Thake, Pia Zammit, Alessandra Dee Crespo, Simon Sansone, Paula Fleri Soler u Vicky Ann Cremona li lkoll jagħmlu parti mill-għaqda Repubblika.

Fil-konklużjonijiet finali l-Maġistrat Mifsud jagħmilha ċara li l-allegazzjonijiet li saru ma nstabux li huma msejsa fuq il-provi la tax-xhieda okulari, jiġifieri dawk li setgħu raw jew semgħu xi ħaġa, u lanqas dawk dokumentati.

Fl-istess waqt huwa ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikompli bl-istħarriġ tiegħu, anke bl-għajnuna ta’ forzi tal-ordni barranin, ħalli jara min kien responsabbli għall-imwiet tal-immigranti.

Huwa ordna wkoll li r-rapport li ħejja Dr Martin Bajada f’din l-inkjesta jgħaddi għand it-Taqsima ta’ Kontra t-Terroriżmu tal-Pulizija biex flimkien mat-Taqsima tal-Immigrazzjoni u dik tar-Reati Ekonomiċi jidentifikaw min qed jorganizza l-vjaġġi bi sfruttament ta’ tant persuni u li d-dħul minnu qed ikunu finanzjati gruppi terroristiċi.

Ordni oħra min-naħa tal-istess maġistrat tgħid li l-Pulizja għandha tinvestiga lill-persuna li l-kuntatt tagħha nstab fuq wieħed mit-telefons ċellulari tal-immigranti ħalli tara x’sehem seta kellu fl-organizzazzjoni ta’ dan il-vjaġġ liema telefon kien fih ritratti ta’ Malta.

Il-punti ewlenin li ħarġu mill-inkjesta, kemm dwar dan il-każ kif ukoll dwar l-immigrazzjoni irregolari, kienu dawn:

  • “L-allegat data meta sar l-attentat ta’ qtil kienet bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu meta ma rriżultax li f’dawk il-ġranet membri tal-ekwipaġġ tal-P52 kienu fuq xi ħidma ta’ salvataġġ”;
  • “Bejn l-2005 u April 2020 ġew salvati 26,010 immigrant f’missjonijiet u salvataġġ tal-Forzi Armati u din is-sena biss ġew salvati 1,201”;
  • “L-għaqda Repubblika, qabel daħlet id-denunzja, la kienet talbet xi kjarifiki min-naħa tal-armata, tal-Prim Ministru jew tal-Kap Kmandant tal-Forzi Armati u lanqas ma’ min għamel l-allegazzjonijiet permezz ta’ messaġġi fuq Twitter iema messaġġi kienu sors tal-artikli f’The New York Times, Avvenire u The Guardian”.
  • “Il-persuni fl-allegat inċident kienu salvati kollha tant li xehdu f’din l-inkjesta u ħadd ma tilef ħajtu kif allegat l-organizzazzjoni volontarja Ġermaniża Space-Eye”;
  • “L-iskuża ta’ Alarm Phone li jkun identifikat liema immigrant għamel it-telefonata jekk din tingħata lil din l-inkjesta mhix waħda valida u ma tgħinx biex tkun mikxufa l-verita”;
  • “Ma rriżultax li dawk li kienu salvati kienu b’xi mod stmati ħażin minn min salvahom”;
  • “Mill-provi jirriżulta li dawk salvati ingħataw ilma u ikel biex jitrejqu wara li kienu ilhom siegħat twal bla ma jieħdu xejn”;
  • “Ma jirriżultax mill-provi miġbura li Neville Gafa ikkordina xi salvataġġ f’dan il-każ”;
  • “Il-persuni li organizzaw il-vjaġġ għandhom jinżammu responsabbli għal azzjoni kriminali għax la bagħtu l-persuni fuq vjaġġ li organizzaw kellhom id-‘duty of care’ li jaraw li dawk il-persuni jaslu qawwijin u sħaħ meta kienu jafu li dan aktar iva milli le kien se jwassal għal imwiet”.
  • “Kienet kriżi determinata minn qabel sabiex toħloq sitwazzjoni ta’ salvataġġ ta’ ħajja fil-baħar. Dan joħroġ minn xhieda li ngħatat fl-inkjesta fejn l-immigranti salvati stqarrew li min organizzalhom il-vjaġġ wegħdhom li x’ħin joħorġu mit-territorju Libjan se jkun hemm vapuri li jsalvahom u jdaħħluhom f’xi port fl-Ewropa”;
  • “L-istampa mogħtija lill-pubbliku hija ħafna drabi mxekkla u inkonkluża kif irriżulta f’dan il-każ fejn l-informazzjoni mogħtija żgur li ma kinietx preċiza u li wieħed jista’ joqgħod fuqha”;
  • “Bastimenti kummerċjali qegħdin jevita iz-zona li normalment jidderiġu t-traffikanti tal-bnedmin lil dawk li jkunu fuq id-dgħajjes biex ma jinqabdux f’sagas u kontroversji bejn pajjiżi varji fejn se jniżżlu lil dawk li jsalvaw”;
  • “Malta ma tistax tirrinunzja għall-obbligi internazzjonali tagħha li tikkordina s-salvataġġ, kif fil-fatt wettqet, imma l-kommunita internazzjonali għandha tqum  għar-responsabbiltajiet tagħha wkoll, li m’huwiex sempliċiment dawk li toħloq il-liġijiet u trattati”;
  • “L-isfida li stat bħal Malta għandu hija kif twettaq dawn l-obbligi (li ssalva persuni fil-baħar) mingħajr ma fl-istess ħin taqdi l-oġġettiv tal-persuni li jittraffikaw il-persuni”;
  • “Għandu jkun hemm ftehim ċar, bi protokolli ċari, kif dawk salvati jkunu rilokati f’pajiżi varji mhux biss tal-UE imma anke oħrajn membri tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħra tal-istati. ‘Burden sharing’ reali u mhux biss fuq il-karta. Solidarjeta ta’ veru mhux biss fid-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipji ta’ trattati u liġijiet”;
  • “Persuni misjuba li m’għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jintbagħtu mill-ewwel lura lejn il-pajjiż t’oriġini jew ta’ residenza tagħhom”;
  • “Il-problema ta’ dawk li ma jkollhomx dokumenti tal-identità validu biex ikun jista’ jintbagħat lura lejn pajjiżu għandu jinħoloq mekkaniżmu fejn il-persuna tinħarġilha ‘European temporary travel document’ biex ikun jista’ jsir il-vjaġġ lura”;
  • “Soluzzjoni ewlenija fit-tul hija t-titjib fil-livell t’għixien madwar id-dinja sabiex b’hekk il-persuni ma jiġux sfurzati li jaħarbu minn darhom sabiex isibu protezzjoni jew sempliċiment ifittxu ħajja aħjar”.
Share With: