Delia jappella lill-partitarji u Deputati Laburisti biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom

Il-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Dellia appella lid-Deputati Laburisti u lill-partitarji tal-Partit Laburista biex isemmgħu leħinhom u jopponu dak li qed jiġri fil-pajjiż. Huwa qal dan fir-rigward tal-allegazzjonijiet ġodda li saru aktar kmieni din il-ġimgħa, b’rapporti fil-midja internazzjonali jisħqu li Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għamel qligħ ta’ flus fi ftit jiem permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black wara li l-Enemalta xtrat windfarm fil-Montenegro.

Huwa qal dan wara li fis-sigħat li għaddew sejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi fil-pajjiż.

Fl-intervista li xxandret fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Delia tenna li dak li qed jiġri qed iwassal biex isem pajjiżna jkompli jiġi kkalpestat.

“Xogħol l-Oppożizzjoni jrid ikun li lejl u nhar nagħmlu dak meħtieġ għal pajjiżna,” saħaq Delia.

Filwaqt li qal li l-pajjiż jinsab għaddej minn mument diffiċli immens, huwa appella lill-partitarji Laburisti biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom, anek mad-Deputati li jirrappreżentawhom fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Share With: