David Thake ma jiċħadx li talab lil Delia biex jirriżenja mit-tmexxija tal-PN

Wara d-diversi rapporti li dehru fil-midja lbieraħ dwar sejħiet li għamel waqt laqgħa tal-grupp Parlamentari biex Adrian Delia jirriżenja minn Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Nazzjonalista David Thake baqa’ ma ċaħadx li huwa talab lil Delia biex iwarrab.

Rapporti fil-midja kienu jallegaw li kien proprju Thake li sejjaħ il-laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, bil-laqgħa deskritta bħala li kienet waħda kkaratterizzata minn ġlied u argumenti.

F’kumment li għamel fuq il-profil tiegħu tal-midja soċjali, Thake sejjaħ lil dawn ir-rapporti bħala ‘fake news’ u saħaq li mhuwiex minnu li kien hu li sejjaħ il-laqgħa. Bl-istess mod ċaħad li l-laqgħa kienet waħda mimlija argumenti, filwaqt li qal li l-iskop tal-laqgħa ma kinitx biex tiġi diskussa l-allegata offerta minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, lill-Partit Nazzjonalista biex jassigura li David Casa ma jerġax jiġi elett bħala Membru Parlamentari Ewropew.

Madankollu huwa naqas milli jiċħad li huwa talab lil Delia biex iwarrab mit-tmexxija tal-PN.

Share With: