Arrestat wara li jħebb għal diversi persuni fl-Imsida

Il-Pulizija arrestaw raġel ta’ nazzjonalità barranija wara li allegatament ħebb għal tliet persuni. 

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. bil-Pulizija jiġu infurmati li mara u raġel ġew aggrediti fi Triq Ċensu Farruġia, fl-Imsida u raġel ieħor ġie aggredit fi Triq il-Wied, fl-Imsida wkoll, x’aktarx mill-istess persuna. 

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-allegat aggressur l-ewwel ħebb għal mara ta’ 36 sena residenti l-Imsida, waqt li kienet miexja. Dak il-ħin, kien għaddej raġel ta’ 38 sena, residenti wkoll l-Imsida li malli ra lill-agressur jħebb għal din il-mara, huwa niżel mill-karozza u rnexxielu jwaqqfu milli jħebb għal mara oħra li kienet miexja, bil-konsegwenza li r-raġel safa aggredit mill-istess persuna. Irriżulta li l-aggressur baqa’ sejjer lejn Triq il-Wied u ħebb għal raġel ta’ 67 sena, residenti San Ġiljan.

Malli l-Pulizija ġew infurmati bil-każ, minnufih fuq il-post marru l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Wara tfittxija li saret, il-Pulizija sabu lill-allegat agressur, żagħżugħ ta’ 20 sena mis-Senegal u residenti l-Imsida u arrestawh. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Imsida għall-aktar investigazzjonijiet.

Il-mara ta’ 36 sena ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, waqt li ż-żewġt irġiel ingħataw il-kura f’ċentru tas-saħħa. Huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. 

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Share With: