ARA: “Il-ftuħ tal-ajruport kienet aħbar pożittiva għall-ħaddiema” – Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella

Miktub Minn CLAUDIO COLEIRO, Filmat: ALAN SALIBA

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella ddeskriva bħala pożittiva l-aħbar li fl-1 ta’ Lulju li ġej se jerġa’ jiftaħ l-ajruport għax sostna li l-għajxien tal-ħaddiema li jaħdmu fis-settur turistiku jiddependi mit-turiżmu u t-trasport minn u lejn Malta.

Fil-kummenti tiegħu lil dan il-ġurnal, is-Segretarju Vella stqarr li dawn il-ħaddiema qegħdin jistennew bil-ħerqa biex dan iseħħ minħabba li f’dawn l-aħħar tliet xhur huma sofrew mhux biss finanzjarjament imma wkoll emozzjonalment fid-dawl li x-xogħol tagħhom jinsab mhedded. 

“Għaldaqstant, aktar ma jiftaħ l-ajruport malajr u aktar ma l-kummerċ fl-ajruport u l-għadd fil-passiġġieri jibda jiżdied, iktar wieħed jista’ jibqa’ jittama li l-affarijiet jiġu lura għan-normal,” żied jgħid is-Segretarju Vella.

Huwa sostna li dawn il-ħaddiema jafu li mhux kollox se jiġi lura għan-normal fi żmien, li se jkun hemm perjodu fejn għalkemm l-ajruport se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu, se jkun hemm tnaqqis drastiku fl-ammont ta’ passiġġieri u n-negozju.

“Dawn il-ħaddiema jistennew l-intervent kemm mill-entitajiet pubbliċi, il-Ministeru għat-Turiżmu u kumpaniji fejn jaħdmu biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jinċentivaw li jerġa’ jibda t-turiżmu bis-saħħa kif kien qabel il-Covid-19,” tenna s-Segretarju Vella. “Żgur mhux forsi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux se jerġgħu jiġu għan-normal fi żmien qasir.”

Għaldaqstant, huwa temm jappella lill-Gvern biex jibqa’ jassisti lil dawn il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħhom “sakemm l-affarijiet almenu jmorru nofs triq għax din hija sitwazzjoni li se ddum tkaxkar magħna speċjalment fl-ivvjaġġar se ġġib nuqqas kbir sostanzjali fid-dħul ta’ dawn il-ħadddiema.”

MHRA: Il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport huwa pass fid-direzzjoni t-tajba

Intant, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li jerġa’ jiftaħ l-ajruport għalkemm żammet mal-pożizzjoni tagħha li kien ikun aħjar għas-settur tat-turiżmu li kieku l-ajruport jiftaħ fil-15 ta’ Ġunju. 

Fi stqarrija, il-President tal-MHRA Tony Zahra ddikjara li: “ż-żmien huwa essenzjali f’dawn iċ-ċirkostanzi, iżda issa li l-Gver ħa d-deċiżjoni, is-settur tat-turiżmu jeħtieġ li jsaħħaħ l-isforzi u l-operat biex jerġa’ jqajjem l-ekonomija.” 

Huwa żied jgħid li l-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport u l-portijiet mhux se jwasslu awtomatikament għall-kundizzjonijiet ekonomiċi qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. 

Is-Sur Zahra enfasizza li: “l-lukandi u r-ristoranti jeħtieġu l-appoġġ tal-Gvern biex isostnu l-ispejjeż operattivi tan-negozji tagħhom sakemm is-swieq jirreaġixxu għar-realtà ekonomija ġdida. Il-ġimgħat li ġejjin se jkunu ta’ sfida u se jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar ristrutturar biex ikunu protetti l-impjiegi u s-sostenibbiltà tal-immaniġġjar tal-operat.” 

L-MHRA temmet twiegħed li se tibqa’ taħdem flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Air Malta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-istakeholders l-oħra fl-industrija tat-turiżmu biex tiżgura li Malta tiġi promossa bħala destinazzjoni sigura u fejn wieħed jieħu gost. 

Intant, dan il-ġurnal talab dettalji dwar il-preparamenti li qed isiru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bi tħejjija għal meta jerġa’ jiftaħ għat-titjiriet. Kelliema għall-ajruport qaltilna li se jkunu qed jistennew li joħorġu aktar dettalji qabel ma jikkummentaw.

Share With: