60 NGO jgħidu li l-istrutturi illegali għal kaċċa fil-Miżieb huma rampanti

Dokument ippubblikat minn koalizzjoni ta’ 60 NGO juri li BirdLife Malta ilha tistenna 10 snin biex tittieħed azzjoni dwar strutturi illegali fil-Miżieb li jintużaw għal kaċċa.

Il-koalizzjoni Spazji Miftuħa qed topponi li l-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa jingħaddew lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

Spazji Miftuħa kienet ifformulat rapport dwar l-istrutturi illegali fil-Miżieb wara laqgħa li kellha mal-Prim Ministru f’Mejju, liema rapport intbagħat ukoll liċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar, lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, u lill-Prim Ministru Robert Abela.

Ir-rapport isegwi rapport ieħor li kien sar fl-2010 minn BirdLife malta u li kien juri aktar minn 256 struttura illegali fiż-żona.

Spazji Miftuħa intant qalet li sfortunatament matul dawn is-snin ma ttieħdet l-ebda azzjoni fil-konfront tal-istrutturi illegali u l-Awtorità tal-Ippjanar ma bagħtet l-ebda forma ta’tweġiba lil BirdLife.

Intant Spazji Miftuħa qed titlob għal stħarriġ dettaljat tal-Miżieb hekk kif saħqet li hemm biżżejjed x’juri li dawn l-istrutturi għadhom rampanti u possibbilment huma simili għan-numru indikat fir-rapport ippreżentat fl-2010.

Share With: