Xogħlijiet f’Mater Dei biex pajjiżna jkollu sala għal mard infettiv ta’ riskju għoli

Fl-Isptar Mater Dei, fi ħdan is-sala tal-mard infettiv, bħalissa għaddejjin xogħlijiet strutturali biex tinbena unit speċjalizzata fejn se jkunu trattati pazjenti b’ każijiet rari ta’ infezzjoni li jkunu ta’ riskju ferm għoli li jinxtered fil-komunità. Id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ħabbar li, “sal-aħħar tas-sena Mater Dei se jkun wieħed mill-ftit ċentri fl-Ewropa li jista’ jilqa’ dawn it-tip ta’ pazjenti, joffri servizz tal-aqwa kwalità u bla ebda periklu lill-istaff mediku”. 

Waqt żjara fuq il-post il-Ministru Fearne, spjega li bil-High Degree Isolation Unit pajjiżna se jkun ippreparat ukoll għall-eventwalità ta’ każijiet infettivi bħall-virus Marburg, Dengue, Ebola, Lassa Fever, Sars Co-V u razez patoġeniċi għolja tal-virus tal-influwenza.

L-Uffiċjal Kap Operattiv tal-FMS, Andrew Vella Zarb, spjega li biex dan il-unit jikseb l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà kien jeħtieġ numru ta’ rekwiżiti strutturali u ta’ inġinerija addizzjonali minn swali oħra fl-isptar, b’mod partikolari fis-sistema tal-purifikazzjoni tal-arja.

Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ €1.7m, li huwa parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

Ix-xogħlijiet strutturali huma kkordinati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), filwaqt li d-disinn huwa mfassal minn esperti lokali u barranin, b’kollaborazzjoni mal-esperti mediċi tal-Isptar Mater Dei. 

Share With: