Tewmin jeħlu l-ħabs fuq serq minn fuq anzjani

Tewmin ta’ 40 sena kienu ikkundannati 92 xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li serqu ħames anzjani.

Kien f’Jannar li għadda li Paul u Roderick Scicluna kienu tressqu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn wieġbu mhux ħatja għal dawn is-serqiet.

Tnejn mill-każijiet seħħew fiż-Żejtun, tnejn oħra f’Ħal Tarxien u s-serqa l-oħra minn Raħal Ġdid. Is-serqiet seħħew bejn Diċembru u Jannar li għadda.

Meta l-kawża ġiet biex tinstema quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-tnejn li huma għażlu li jammettu.

Fis-sentenza tagħha hija ikkundannat ir-reat fuq persuni vulnerabbli bħalma huma l-anzjani speċjalment meta bħal f’dan il-każ ir-reat ikun seħħ biex l-aggressur ikollu flus għad-drogi.

Hija qieset ukoll li Paul Scicluna kien ħeġġeġ lil ħuh biex jgħinu fis-serqiet u li kien diġa ġie ikkundannat fuq żewġ serqiet oħra.

Kien għalhekk li waqt li ikkundannat lil Paul Scicluna għal 54 xahar ħabs, lil ħuh Roderick ikkundannatu għal 38 xahar ħabs.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri u Paul Camilleri waqt li l-Avukat Carmelo Mifsud Bonnici deher għat-tewmin.

Share With: