“Stqarrija tal-għadu”;Trump bi kliem aħrax għal studju dwar l-użu tal-hydroxychloroquine kontra l-Covid-19

Il-President Amerikan Donald Trump iddefenda ruħu bil-qawwa kollha mill-kritika li saret fil-konfront tiegħu minn esperti mediċi li l-użu tiegħu ta’ mediċina biex tittratta l-malarja bl-intenzjoni li jilqa’ kontra l-coronavirus taf twassal għal użu ħażin mill-poplu Amerikan. L-esperti mediċi kienu wissew kontra l-użu ta’ din il-mediċina biex jiġi trattat il-Covid-19, wara li huma qalu li m’hemm xejn x’jindika kemm din il-mediċina hija effikaċi kontra l-Covid-19, apparti li wissew kontra l-effetti tagħha fuq il-bniedem li jistgħu jkunu fatali.

Id-dikjarazzjoni ta’ Trump li kien qed jagħmel użu l-hydroxychloroquine qanqlu bosta mistoqsijiet anke minn ħdan l-amministrazzjoni tiegħu, u wasslu biex uffiċjali niedew pjan ta’ azzjoni biex jiġġustifikaw l-azzjonijiet tiegħu. 

Madankollu Trump innifsu reġa’ ħareġ dikjarazzjoni oħra, fejn tenna li studju kontra din il-mediċina huwa “falz” u saħansitra iddeskrivih bħala “stqarrija tal-għadu”.

Trump żied jgħid li l-istudju jagħmel referenza għall-użu tal-mediċina fuq pazjenti li kienu f’kundizzjoni kritika kaġun tal-Covid-19. “Kienu xjuħ. Kważi mejtin,” qal Trump. “Dan l-istudju huwa stqarrija tal-għadu kontra Trump.”

Intant żewġ studji li kienu saru preċedentement, u li kienu jinvolvu lil madwar 1,400 pazjent fi New York, indika li l-użu tal-hydroxychloroquine biex jiġi trattat il-Covid-19 ma ħalla l-ebda benefiċċju mediku.

Share With: