Raġel mixli li ta n-nar pjanta ma’ bieb ta’ dar

Il-Pulizija ressqet fil-Qorti raġel li allegatament ta n-nar lil pjanta quddiem bieb ta’ dar f’Ħal Luqa bil-konsegwenza li l-istess bieb ħa n-nar.

Alan Brown, ta’ 45 sena mill-Pieta li m’għandux xogħol, kien mixli li fid-19 ta’ Diċembru li għadda qabbad pjanta ħdejn dar li tinsab fi Triq il-Wilġa. Dak il-ħin fid-dar kien hemm persuna li kienet hi li tfiet in-nirien mal-bieb u b’hekk evitat aktar ħsara lid-dar.

Il-Pulizija talbet lill-Maġistrat Rachel Montebello biex dettalji dwar il-każ ma joħorġux fil-miftuħ peress li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. Għalkemm wieġeb mhux ħati, Brown baqa’ miżmum taħt arrest sakemm jibda jinstema l-każ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mario Xiberras u Hubert Cini waqt li l-Avukat Martha Mifsud qed tiddefendi lill-akkużat.

Share With: