Malta tirtira l-appoġġ għal missjoni ta’ sorveljanza dwar it-traffikar tal-armi fil-Libja

Minn MELVIN FARRUGIA

Mingħajr unanimità bejn l-istati tal-Unjoni Ewropea, il-missjoni ma tistax issir f’isem l-Unjoni Ewropea

Fl-aħħar sigħat ġie rrapportat minn sezzjonijiet tal-midja Maltija li l-Gvern Malti mhux mistenni jkompli jagħti l-appoġġ finanzjarju għal missjoni navali li tissorvelja t-traffikar tal-armi li jidħlu fil-Libja. Jidher li Malta qiegħda tieħu din il-pożizzjoni minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni u l-pożizzjoni se tibqa’ hekk sakemm ma jinbidlu l-affarijiet.

Dwar dan tkellimna mal-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant li qalilna li din kienet ilha ġejja. Spjegalna kif sa xi sentejn ilu, kien hemm bejn tlieta u erba’ bastimenti żgħar tal-gwerra Taljani u Franċiżi li kienu jagħmlu xi patrols biex iwaqqfu t-traffikar tal-armi lejn il-Libja. Qal li dan kien isir bi qbil ma’ sħabhom tal-Unjoni Ewropea, sakemm Matteo Salvini waqqaf kollox. 

Sant kompla jispjega li dan l-aħħar reġgħet tqanqlet l-idea biex dan l-eżerċizzju jitkompla, u dan hekk kif it-Turkija bdiet tagħti għajnuna lill-Gvern ta’ Tripli u minħabba f’hekk bdiet anke turi li trid li tkun influwenti fiċ-ċentru tal-Mediterran. 

Kompla jispjega li minħabba l-antagoniżmu li dejjem għaddej bejn il-Griegi u t-Turkija, allura l-Griegi qamu u taħt l-isem ta’ Irini l-proġett kellu jitwettaq. Madankollu, saħaq li għal ġimgħat sħaħ inqala’ diżgwit bejn il-Greċja u l-Italja, peress li t-tnejn ippretendew li jmexxu l-iskwadra ta’ erba’ biċċiet tal-baħar li tagħmel is-sorveljanza.

Sant jgħid li issa li dawn il-pajjiżi kienu kważi waslu biex jilħqu ftehim dwar kif se timxi l-biċċa bejniethom, Malta ħabbret li mhix se tagħti l-appoġġ loġistiku tagħha, peress li l-bastimenti kkonċernati setgħu jidħlu fil-portijiet tagħna. 

Fuq kollox, l-ewroparlamentari qal li dan se jkun ifisser li m’hemmx qbil unanimu dwar il-proġett u allura dan ma jkunx jista’ jsir f’isem l-Unjoni Ewropea. 

Share With: