Malta l-ewwel fl-Ewropa fid-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ

Għall-ħames sena konsekuttiva Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi ILGA-Europe. Dan l-indiċi janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa.

Fir-rapport maħruġ illum, Malta baqgħet fil-quċċata ta’ din il-klassifika b’total ta’ 89 punt, dan meta fl-2013 Malta kienet qed tikklassifika fit-18-il post.

Dawn ir-riżultati kienu ppubblikati minn ILGA-Europe b’antiċipazzjoni għall-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija (IDAHOTB) li tkun imfakkra fis-17 ta’ Mejju.

Fl-aħħar seba’ snin, Malta għamlet avvanzi kbar fil-qasam tal-libertajiet ċivili bl-introduzzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ liġijiet, fosthom l-unjoni ċivili u l-adozzjoni minn persuni gay u ż-żwieġ ugwali; il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess; il-liġi dwar il-koabitazzjoni; u policies għal persuni trans u intersess fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordinu għal studenti trans u interess fl-iskejjel.

Fir-rapport tagħha, ILGA-Europe faħħret l-impenn ta’ Malta matul l-2019 għall-progress fir-rigward ta’ familji LGBTIQ+ u r-rapport ifaħħar l-użu ta’ terminoloġija ‘Gender Neutral’ fil-liġijiet ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi Rosianne Cutajar irrimarkaw li l-impenn tal-gvern fit-tisħiħ ta’ aktar libertajiet ċivili, u tal-ugwaljanza għaliex fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll umani ndaqs. Saħqu li dan hu settur li fih, minkejja li għamilna ħafna, għad fadal xi jsir, u b’hekk huma kommessi li jibqgħu għaddejjin bix-xogħol mingħajr waqfien biex itejbu l-ħajja tal-minoranzi f’pajjiżna.

Huma sellmu u rringrazzjaw ukoll lill-Kumissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Dr Helena Dalli li matul il-perjodu li kienet parti mill-Kabinett tal-Ministri, responsabbli mill-ugwaljanza, inkisbu kisbiet bla preċedent.

L-informazzjoni maħruġa minn ILGA-Europe tista’ titniżżel mis-sit https://rainbow-europe.org/

Share With: