“Lil missieri qatluh quddiem għajnejja … għaddejna minn infern”

 Miktub Minn Victor Vella

X’taqbad tgħid. Tispiċċa issummat tisma’.  Raġel anzjan jirrakkonta emozzjonat is-sofferenza fl-agħar kamp tal-konċentrament. Le mhux f’dak ta’ Auschwitz imma dak ta’ Mathausen fl-Awstrija. Sofferenza wisq iebsa dik li tkun fl-istess kamp ma’ missierek u tarah jinqatel quddiem għajnejk. U xi qtil! Uffiċjal jistaqsi lil ieħor kemm qatel nies f’dik il-ġurnata, issemmilu ammont u jgħidlu ftit daqshekk. X’jiġri? Jaqbad tlieta minn nies oħra u jifgagħhom f’tank bl-ilma bil-chlorine. Imur quddiem l-uffiċjal u jgħidlu li qatel tlieta oħra. Imma ir-rispota tkun – mhux biżżejjed. Jaqbad tlieta oħra. Fosthom missieru. Ineżżgħuh u jtuh xebgħa għal mewt quddiemu. F’aġunija missieru, inewwel l-uniku loqma ħobż lil ibnu biex jikolha. It-tifel li kellu tmintax il-sena jibda’ jwerżaq u jgħajjat, imma dlonk isikktuh li jekk jibqa’ sejjer hekk, kien se jiġrilu l-istess. Kienet l-aħħar darba li ra lil missieru, li mbagħad ġie trasportat lejn il-krematorju.

Din hi l-esperjenza rakkontata minn Jimmy  Lichtman. Wieħed minn dawk li baqa’ ħaj mill-olokawst. Jimmy dejjem ħass, li minkejja li kienet qed issir dejjem diffiċli għalih li jirrakkonta dak li għadda minnu, kien iħoss li dan hu fi dmiru li jagħmlu biex il-ġenerazzjoni tal-lum u dik tal-futur jkunu konxi b’dak li ġara u jara li dak qatt aktar ma jiġi ripetut. Illum, in-neputi ta’ Jimmy, David Estrin għandu organizzazzjoni li qed taħdem bi sħiħ kontra il-ġenoċidji.

Twieled fir-Rumanija …. kienu familja ta’ negozjanti

Jimmy Lichtman twieled f’Szatmar fir-Rumanija fis-sena 1925. Kien l-uniku tifel f’familja ta’ negozjanti.  Fis-sena 1942, hu kien tkeċċa mill-iskola u dan sempliċiment għax kien Lhudi. Sentejn wara familtu intbagħtet tgħix fil-ghetto.  Minn hemmhekk, il-familja tiegħu intbagħtet lejn Auschwitz. Fi kliem stess f’Auschwitz l-għażliet  kienu jew naħa jew oħra. Naħa tfisser xogħol u n-naħa l-oħra tfisser li se tintbagħat għall-gass. Wara ftit żmien minn Auschwitz intbagħtu fil-kamp tal-konċentrament f’Mauthausen fl-Awstrija. Hu u missieru f’dan il-kamp kienu jaħdmu xogħol iebes.

“Kulħadd għandu jkun jaf x’kien jiġri f’dawn il-kampjijiet tal-konċentrament. Dan biex dak li seħħ ma jerġax jiġri”, jiddikjara Jimmy Leichtman. 

Fi kliem u stess, “konna ilna f’Auschwitz madwar tliet ġimgħat, meta f’daqqa waħda ddeċidew li l-familja kollha tintbagħat f’Mathausen fl-Awstrija.  Dan il-kamp tal-konċentrament kien agħar minn dak ta’ Auschwitz.  Hawn kienu joqtluk bix-xogħol iebes.”

Jimmy jirrakkonta bi qsim il-qalb il-mewt ta’ missieru. Jirrakkonta l-aħħar mument li rah. Jgħaddu aktar minn sittin sena u jmur fil-post. Jirrakkonta l-istorja lil diversi nies u ma jonqosx li jemozzjona ruħu.

Jgħid li “jiġi uffiċjal u dan jibda jistaqsi lil ieħor kemm kien qatel. Isemmilu numru u dan l-uffiċjal jgħidlu li daqshekk mhux biżżejjed.  Jaqbad tlieta min-nies oħra u jgħarraqhom, idaħħlilhom rashom f’tank u jgħarraqhom. Imur quddiem l-uffiċjal u jgħidlu kemm qatel. L-uffiċjal jerġa’ jgħidlu mhux biżżejjed. Jaqbad tlieta min-nies oħra fosthom lil missieri. Ineżżgħuh u jtuh xebgħa kbira quddiem għajnejja. Kif ġew biex jeħduh, missieri tawwal idejh u pprova jtina l-biċċa ħobż żgħira li kienu jagħtuna. Jien bdeejt inwerżaq u ngħajjat, iżda pront qaluli niskot għax jekk nibqa’ sejjer hekk kien se jmiss lili. Dik kienet l-aħħar darba li rajt lil missieri”.

Il-weġgħat kienu kbar … kont ngħid “għaliex jien”

“Il-weġgħat kienu kbar. Kbar ħafna. Aktar mhu jgħaddi żmien aktar qed insibha diffiċli nitkellem fuqha. Imma nemmen li hu dmir tiegħi li nagħmel dan. Biex il-ġenerazzjoni futura tkun taf x’ġara. Dejjem kont ngħid lili nnifsi – “għaliex jien. Anki bil-lejl kont nistaqsi lili għax jien qed f’din it-tbatija kollha”. Jisħaq li kienet tbatija kbira jara lil sħabu tal-iskola u l-ħafna nies li kien jaf għaddejjin minn dik it-tbatija.

F’Mathausen fost ix-xogħol iebes kien hemm dak f’barriera fejn dawk fil-kamp kien ikollhom jitilgħu it-taraġ iġorru l-ġebel.

L-esperjenza mal-fran … wara erba’ xhur taħdem fih kienu jqisuk li taf ħafna u jeħilsu minnek

Jirrakkonta kif kien għamel żmien jaħdem iġorr il-ħmieġ tan-nies u wara anke għamel xi żmien mal-fran fil-krematorju. Jispjega li kien sar jaf li wara li tkun għamilt madwar erba’ xhur taħdem hawn, kienu jqisuk bħala li taf ħafna u jeħilsu minnek. Hu kien iddeċieda li jibdel ix-xogħol ma’ persuna oħra li kien mill-Polonja u b’hekk ma baqax f’dak il-post.

Wara li l-kamp kien meħlus … irritorna f’Budapest u sab li ommu kien irnexxielha tibqa’ ħajja

Jimmy jirrakkonta li wara li l-kamp kien meħlus fis-sena 1945, hu rritorna f’Budapest u anke f’Sżatmar.  Hemmhekk sar jaf li omm kien irnexxielha tibqa’ ħajja. Ommu kienu ħallewha f’Auschwitz. Sentejn wara Jimmy emigra lejn l-Istati Uniti u ssetilja fi New Jersey.

Jirritorna f’Mauthausen fis-sena 1989 … u jieħu lill-familjari

Jimmy, fiż-żmien ta’ wara dejjem kellu xewqa waħda. Dik li jieħu l-familja tara fejn kien miżmum.  Kienet xewqa li baqa’ jaħseb fuqha. Immaterjalizzat fis-sena 1989 u fis-snin ta’ wara. Fis-sena. 1989 ħa lil uliedu f’dan il-post u fis-snin ta’ wara ħa lit-tfal tagħhom. Irrakkontalhom dak li għadda minnu.

Ma naqasx li l-ewwel darba li mar ma’ martu, hu jiġi fl-inkwiet mal-uffiċjal li kien fil-bieb. Dan talbu l-ħlas biex jidħol u Jimmy ma ħasibhiex darbtejn biex fajjarlu daqqa’ ta’ ponn. Spiċċa l-għassa f’Mauthausen.  Il-kwistjoni ġiet riżolta b’mod amikevoli, fejn anke l-uffiċjal li kien qala id-daqqa kien preżenti.

Meta irritorna ma’ uliedu hu ddikjara li “issa qtajt xewqti.  Dan hu dak li dejjem ridt nagħmel. Li nurikom fejn kont miżmum. Hawn kien hawn eluf ta’ nies. Meta ħelsuna splodew il-bieb u daħlu bit-tankijiet u s-suldati li daħlu qalulna intom liberi tistgħu tmorru fejn tridu.  Minn hawn tgħallimt ħaġa waħda – dik li qatt m’għandek iċċedi”.

Share With: