L-MFSA bi 12-il sanzjoni amministrattiva fl-ewwel ħames xhur tal-2020

Taqbeż it-total tal-10 sanzjonijiet imposti fl-2019

Fir-rapport annwali tagħha, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) saħqet li matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2020, hija ħarġet 12-il sanzjoni amministrattiva, numru li jaqbeż l-10 sanzjonijiet ppubblikati mill-istess Awtorità matul it-12 il-xahar tas-sena 2019.

L-istess Awtorità, fir-rapport annwali tagħha, ħabbret li matul is-sena 2019, hija kienet qegħda tinvestiga numru ta’ każijiet ta’ suspett ta’ ksur tar-regolamenti tas-servizzi finanzjarjii minn kumpaniji u diretturi differenti. L-Awtorità saħqet li hija kienet kompliet tirrevedi 35 każ mis-sena preċedenti, filwaqt li ntefħu total ta’ 105 każ ġdid: Fl-istess waqt, l-MFSA għalqet total ta’ 78 każ.

Fir-rapport tagħha, l-MFSA saħqet li hija għamlet il-ġlieda kontra d-delitti finanzjarji, il-ħasil tal-flus u l-flus relatati mat-terroriżmu bħala prijorità strateġika tal-Awtorità. Hija fakkret fuq it-tnedijia tal-aħħar strateġija, kif ukoll it-tnedjia ta’  Dipartiment fi ħdan l-istess Awtorita, “bil-għan li jaċċelera l-effettiva tal-Awtorita fl-investigazzjoni, u fil-veloċità tar-rispons tagħha f’każijiet ta’ kondotta ħażina minn aġenziji u diretturi lokali.”

“L-MFSA rduppjat ukoll is-sezzjonijiet ta’ taħriġ u kuxjenza fuq is-settur u fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li l-membri tagħha pparteċipaw f’iktar minn elfejn siegħa ta’ taħriġ, pprovduti minn speċjalisti fil-qasam tal-ġlieda kontra r-reati finazjarji u tal-ħasil tal-flus, għal taħriġ iktar ħolistiku fuq is-superviżjoni.”

Filwaqt li n-numru ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll dawk finanzjarji żiedu minn 24 u 49 għal 25 u 52 rispettivament, l-MFSA tennet li għamlet 36 spezzjoni personali fuq aġenziji u negozji Maltin u Għawdxin, “numru li juri livell ta’ skrutinju bla preċedent mill-imemmija Awtorità.”

Hija stmat li bħala total, l-valur tal-assi kollha miżmuma minn dawn l-istituzzjonjiet ta’ kreditu niżel b’€2.35 biljun, liema tnaqqis “huwa attribwit prinċiparjament għall-attivitajiet ta’ banke oħrajn. Min-naħa l-oħra, l-assi totali tal-istituzzjonijiet domestiċi, kemm dawk core kif ukoll dawk non-core, rreġistraw tkabbir b’5.2% u 8.5% rispettivament.”

Intant, hekk kif il-bieraħ dan il-ġurnal rrapurta fuq kif it-tkabbir tas-settur tas-servizzi finanzjarji laħaq il-2.3%, is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo saħaq li huwa laqa “ix-xogħol tant siewi li qiegħed isir min-naħa tal-Awtorita, kemm fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll fit-tiġdid li qiegħed isir fi ħdan l-istess Awtorita.”

“Inħares il-quddiem għal iżjed xogħol u ħidma fis-sena li ġejja, biex inkomplu ngħollu l-isem u r-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna matul is-sena li ġejja.”

L-istess rapport wera kif matul is-sena 2019, inħolqu 430 impjieġi ġodda. biex b’hekk it-total ta’ impjiegi laħqu il-5% tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna. Dan qiegħed iwassal biex l-ekonomija tibbenefika b’xejn inqas minn 9% u 10% fit-totalita tagħha.

Share With: