Is-safar fl-ewwel tliet xhur tas-sena jonqos b’21.3%

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-ammont ta’ persuni li siefru minn Malta naqsu b’21.3% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li kienu 115,573 li ħallew Malta bejn Jannar u Marzu meta fl-ewwel tliet xhur tal-2019 kienu siefru 146,841. Mill-115,573 li siefru f’dawn it-tliet xhur 66,416 marru fuq vaganza u 27,761 biex iżuru qraba jew ħbieb.

L-Italja u r-Renju Unit baqgħu l-iktar destinazzjonijiet popolari mal-popolazzjoni tant li bejniethom attiraw kważi nofs dawk li siefru jew aħjar 49.6%.Bejniethom huma qattgħu 672,937 lejl, tnaqqis ta’ 19.1% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, u nefqu €81.3 miljun, tnaqqis ta’ 27.9% li kien ifisser medja ta’ €704 kull persuna.

L-istatistika tal-NSO ħadet konsiderazzjoni tal-impatt li l-Covid19 kellu fuq it-turiżmu fosthom li fit-18 ta’ Marzu twaqqaf is-servizz bil-vapur bejn Malta u Sqallija u fil-21 ta’ Marzu t-titjiriet ġew sospiżi.

Share With: