Ippublikat il-Kwestjonarju ta’ Prekwalifikazzjoni (PQQ) għad-Disinn, il-Bini u l-Operat tal-Faċilità li se ddawwar l-iskart f’Enerġija

Il-Kandidati interessati ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħhom, l-esperjenza, kif ukoll il-kompetenza biex jitlesta dan il-kuntratt li ser javviċina l-EUR 390 miljun.

Ftit jiem biss wara t-tnedija tal-proġett ECOHIVE, kunċett li se jibdel l-approċċ tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta ghal dak ta’ekonomija ċirkolari, Wasteserv Malta, flimkien mad-Dipartiment tal-Kuntratti, ppubblikat il-kwestjonarju ta’ prekwalifikazzjoni (PQQ) fir-rigward tal-impjant li jdawwar l-iskart f’enerġija. 

L-offerenti interessati jistgħu jaraw il-PQQ fuq ecohive.com.mt u għandhom sal-25 ta’ Ġunju 2020 sad-09:30hrs biex jipprovdu l-informazzjoni għall-valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħhom, l-esperjenza kif ukoll l-kompetenza sabiex jitlesta dan il-proġett ambjentali.


La darba l-proċess tal-għażla tal-PQQ titwettaq, issir stedina biex dawk short-listed jipparteċipaw fid-djalogu (ITPD) li jkun miftuħ ghall-aħjar tlett offerenti li jkunu ntgħażlu fl-ewwel fażi. Il-kuntratt ser jinkludi d-disinn u l-kostruzzjoni tal-faċilità, liem xogħol hu stmat li ha jkun jiswa fir-reġjun ta’ EUR 160 – 190 miljun, kif ukoll l-ikkummissjonar u l-operazzjoni tiegħu għal perjodu ta’ 20 sena b’investiment finanzjarju ieħor ta’ madwar EUR 200 miljun.

L-impjant huwa mistenni li jibda jopera lejn tmiem l-2023 wara li titlesta l-fażi tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-faċilità li għandu jieħu madwar 3 snin.  

L-impjant tal-iskart għall-enerġija huwa parti minn strateġija komprensiva biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tal-iskart f’Malta li permezz tiegħu l-iflussi kollha ta’ skart se jkunu qed jintużaw fil-potenzjal massimu tagħhom.


Minbarra l-impjant tal-iskart għall-enerġija, impjanti oħra bħall-impjant ta’ proċessar organiku bil-faċilita` ta’ produzzjoni ta’ kompost agrikolu, kif ukoll impjant b’faċilità tal-irkupru ta’ materjal riċiklabbli qed jiġu żviluppati. Dan ix-xogħol hu marbut max-xogħol ġenerali li qed jitwettaq il-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar li fost ħidmiet ambizzjużi oħra, bħalissa qed tiffinalizza r-riforma tal-politika dwar il-gestjoni tal-Iskart.

Share With: