Castaldi Paris jirbaħ l-elezzjoni każwali… “Il-fatt li bdejt fil-PN juri kemm il-PL huwa miftuħ għal kulħadd”

Ian Castaldi Paris se jkun qed jimla s-siġġu vakat mill-eks-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona wara li fl-elezzjoni każwali li żvolġiet dalgħodu huwa kiseb 2,286 vot.

Rachel Tua kisbet 1,300 vot.

Castaldi Paris, l-eks-sindku ta’ Ħal Lija, ingħaqad mal-moviment Laburista fl-2015, u fl-elezzjoni tal-2017 kiseb 232 vot fl-ewwel għadd.

Tua, avukat u eks-uffiċjal fi ħdan il-Partit Laburista, kisbet 174 vot fl-ewwel għadd tal-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar inġabru diversi uffiċjali tal-Partit Laburista biex jassistu għall-proċess tal-għadd tal-voti. Castaldi Paris mill-ewwel mumenti tal-proċess tal-għadd deher li kien il-favorit li jikseb l-akbar għadd ta’ voti, bil-garżelli tiegħu jidhru jattiraw l-aktar voti.

Fl-ewwel kummenti lill-midja Castaldi Paris qal li kien se jiriżenja mill-karigi li jokkupa f’Identity Malta u l-bord tal-Air Malta biex ikun jista’ jiffoka fuq ir-rwol ta’ Membru Parlamentari.

Huwa żied jgħid li l-fatt li kien daħal fid-dinja politika meta kien għadu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista juri kemm il-Partit Laburista huwa miftuħ għal kulħadd.

Cardona li għadu jokkupa r-rwol ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit, irriżenja fit-30 ta’ April li għadda wara karriera parlamentari ta’ 24 sena.

Share With: