Ġuvni jitlef il-kontroll tar-rota u jaħbat f’ħajt

Ġuvni ta’ 19-il sena u residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, qiegħed isofri minn ġrieħi serji, wara li kellu inċident bir-rota. 

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8:00 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kellu inċident bir-rota fi Triq il-Qbajjar. 

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li l-ġuvni, għal xi raġuni, tilef il-kontroll tar-rota li kien qiegħed isuq bil-konsegwenza li kellu impatt ma’ ħajt. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-ġuvni l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. 

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja. 

Share With: