AĠĠORNAT: Malta u l-Libja bi ftehim dwar il-ftuħ ta’ ċentri kontra l-immigrazzjoni irregolari

Il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo aktar kmieni llum irritornaw minn Tripli wara laqgħa li kellhom mal-Gvern Libjan dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Id-diskussjonijiet, li kienu deskritti bħala pożittivi, iffukaw fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tgħin lil-Libja f’dak li huwa taħriġ għall-gwardja tal-kosta tagħha, għoti ta’ fondi għall-kampijiet ta’ refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, u kif ukoll dwar il-ħtieġa ta’ strateġija li twassal għal tnaqqis fl-influss ta’ immigranti mil-Libja.

Il-Prim Ministru Abela, flimkien mal-Ministri Camilleri u Bartolo ltaqa’ ma’ Fayez al-Sarraj li jmexxi l-Gvern Libjan rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u ma’ Mohammed Sheibani, id-Deputat Ministru għall-Immigrazzjoni.

Fayez al-Sarraj qal li fil-Libja attwalment hemm 800,000 immigrant illegali li waslu minn pajjiżi oħrajn, u huwa għaldaqstant importanti li jinstab approċċ ħolistiku u fit-tul biex tiġi ffaċċjata din il-kwistjoni.

Il-Gvern Malti u dak Libjan iffirmaw Memorandum of Understanding li pemezz tiegħu se jkunu qed jinfetħu ċentri ta’ kordinazzjoni fiż-żewġ pajjiżi bil-għan li jipprovdu assistenza f’operazzjonijiet kontra l-immigrazzjoni irregolari. Dawn iċ-ċentri mistennijin li jibdew jaħdmu fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-ftehim jistipula wkoll li Malta tappoġġja lil-Libja fl-Unjoni Ewropwa biex tingħata assistenza finanzjarja mill-Multiannual Financial Framework fost affarijiet oħrajn.

Share With: