629 talba għal investigazzjoni fir-rigward ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni allegata fuq il-bażi ta’ diżabilità

Matul l-2019, l-Investigations Unit fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) irċeviet 629 talba għal investigazzjoni fir-rigward ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni allegata fuq il-bażi ta’ diżabilità. It-talbiet għal investigazzjoni b’mod speċjali saru fir-rigward tal-użu jew l-użu ħażin tal-blue badges u l-edukazzjoni.

Dan joħroġ mir-rapport annwali li l-Kummissjoni ppreżentat għall-2019.

B’rabta ma’ dan il-Kummissjoni waqqfet ukoll Enforcement Unit u hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li matul is-sena 2020 din il-Unit tkompli tissaħħaħ. Din il-Unit se jkollha tliet xogħlijiet ewlenin; li tkun dejjem preżenti, li tipprovdi infurzar legali u li tgħin sabiex jitnaqqas l-abbuż u l-użu ħażin tal-Blue Badge.

Intant mir-rapport joħroġ li sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda, kien hemm 18,848 persuna b’diżabilità rreġistrati mal-Kummissjoni.

Intant ir-rapport jindika li fl-2019, il-Compliance Unit tal-Kummissjoni rreveda 2,548 applikazzjoni għall-ippjanar. Minn dawn l-applikazzjonijiet 1,839 ġew approvati filwaqt li 709 ma ġewx approvati. Fl-istess waqt it-Test of Reasonableness Board (TORB) sema’ 90 każ.

Fost punti oħrajn ir-rapport jindika li matul l-2019 ħarġu 4,369 EU Disability Cards u 2,615 Blue Badges.

Share With: