“Se nibgħatilkom lil uliedkom fit-twiebet” … Al-Sarraj iwissi lil dawk li jappoġġaw lil Haftar

Minn Melvin Farrugia

Il-Kap tal-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, Fayez Al-Sarraj ħareġ jattakka lill-pajjiżi li qegħdin jaħdmu kontra l-Libja u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-attakki ta’ Khalifa Haftar fi Tripli. Hu saħaq li l-ulied ta’ dawk li qed jiġġieldu fil-Libja fuq in-naħa ta’ Haftar se jiġu rritornati fit-twiebet, flimkien mal-karti tal-identifikazzjoni. 

Żied jgħid uukoll li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Libja se jikkordina mal-awtoritajiet rilevanti biex jimplimentaw din il-proċedura. Fl-istess stqarrija faħħar ir-rebħet tal-forzi armati Libjani bħala parti mill-Operazzjoni Peace Storm kontra l-qawwiet ta’ Haftar. 

Al-Sarraj qal li l-karrijiet armati spiċċaw irmied u l-kumplament qegħdin taħt il-kontroll tagħhom biex aktar tard jitpoġġew f’mużew tal-gwerra biex id-dinja tiftakar dawn l-attakki malizzjużi kontra l-Libjani. Saħaq li l-Libjani se jżommu lil dawn il-pajjiżi responsabbli għall-munizzjon u l-armi, kif ukoll għall-ajruplani li qed jintużaw biex joqtlu ulied il-Libjani. 

Saħaq li l-kumplott biex jiġi mwaqqaf is-suċċess tal-Operazzjoni Peace Storm, billi ġie attakkat Abu Grein nhar il-Ħadd, falla għax il-qawwiet tal-armata tal-Gvern ilbieraħ ħadu l-kontroll tal-ibliet ta’ Surman u Sabratha u taw lezzjoni lill-qawwiet ta’ Haftar dwar kif jiddefendu lill-pajjiż minn pajjiżi li huma leali lejhom filgħodu u kontrihom matul il-lejl. 

Al-Sarraj qal li se jkomplu jiġġieldu sakemm jikkontrollaw il-pajjiż kollu biex dawk li kellhom jitilqu jkunu jistgħu jirritornaw. Saħaq li mhux se jinsa min għenhom u lanqas mhu se jinsa min ipprova jdaħħlilhom is-sikkina f’daharhom.

Share With: