Pjan ekonomiku kbir maqbul mill-UE

Pjan biex jiġu injettati biljuni ta’ ewro ta’ għajnuna t’emerġenza għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġie maqbul mill-kapijiet tal-unjoni. Waqt laqgħa li kellhom fuq l-internet, il-mexxejja qablu dwar fond kbir ta’ għajnuna. Huma kkonfermaw ukoll li s-somma ta’ €540 biljun f’għajnuna finanzjarja li se tkun qiegħda tiġi rilaxxata permezz ta’ mekkaniżmi diġà eżistenti mill-1 ta’ Ġunju li ġej.

l-kap tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li dan il-fond se jkun qiegħed jimmobilizza €1 triljun f’investiment. Matul il-laqgħat kien hemm għadd ta’ argumenti dwar kif din l-għajnuna għandha tingħata, iżda fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru Taljan Guiuseppe Conte qal li “sar progress sostanzjali”. L-Italja – li huwa l-iktar pajjiż li ntlaqat b’mod negattiv mill-Covid-19 fl-Ewropea, kien ħeġġeġ lill- pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-iktar dawk sinjuri, biex juru iktar solidarjetà.

Jidher li kien hemm diżgwid ukoll dwar kif għandu jinqasam il-piż bl-Olanda, id-Danimarka, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Iżvezja jopponu l-proposta li kienet ressqet Franza dwar kif għandhom jiġu megħjuna l-Italja u Spanja.

Il-kapijiet tal-Unjoni Ewropea qablu wkoll li jimxu mal-linji gwida li se tkun qiegħda toħroġ il-Kummissjoni dwar kif għandhom jiġu mnaqqsa bil-mod il-mod il-lockdowns ladarba t-tixrid tal-virus ikun naqas sotanzjalment.

Share With: