Il-kumitat tal-membri tal-FAM fi ħdan il-GWU jiċħad allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ xi membri tiegħu

Fi stqarrija maħruġa mill-kumitat tal-membri tal-FAM fi ħdan il-GWU saret referenza għad-denunzja preżentata mill-għaqda Repubbika lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn qed jiġi allegat li xi membri tal-FAM (skond xi midja internazzjonali) aġixxew b’mod kriminali u saħansitra ppruvaw iwettqu omiċidju.

Il-kumitat li jirrapreżenta lill-membri tal-FAM fi ħdan il-GWU ddikjara li assolutament ma jaqbilx mal-pożizzjoni ta’ dawk li ressqu d-denunzja. Il-kumitat mhux biss ma jemminx dawn l-allegazzjonijiet, iżda jissimpatizza u juri solidarjetà ma’ dawk is-suldati li qed isiru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom.

Il-kumitat żied jgħid li sfortunatament azzjonijiet u allegazzjonijiet bħal dawn li qed isiru fil-konfront tal-ekwipaġġ ta’ waħda mill-patrol boats tal-Iskwadra Marittima tal-FAM huma ’l bogħod mir-realtà li jgħixu l-membri tal-FAM waqt dawn l-operazzjonijiet tant sensittivi. Qalu wkoll li f’dan il-mument ta’ prova għal pajjiżna s-suldati għandhom bżonn l-appoġġ ta’ dawk kollha ta’ rieda tajba li għandhom l-interess Nazzjonali għal qalbhom, mhux kritika u theddid bil-ħsieb li dawn il-membri jiġu intimidati fuq xogħolhom u jitbaxxielhom l-moral.

L-istqarrija tkompli li kull meta s-suldati ġew imsejħa biex iwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ bħal dawn, dejjem għamluh b’diliġenza u d-dritt għall-ħajja dejjem ġie rispettat. Sostnew li hija ħasra li dan mhux qed jiġi rrapurtat f’dawn is-sezzjonijiet tal-midja li qed jagħmlu dawn l-allegazzjonijiet.

L-istqarrija temmet tgħid li waqt dawn l-operazzjonijiet is-suldat jagħmel ġranet ‘il bogħod mill-familja, bil-kuntatt mal-familjari jkun mill-inqas, f’sitwazzjonijiet fejn membri saħansitra ġieli kellhom bżon t’għajnuna psikoloġika. Huwa għalhekk li dawn in-nies jistħoqqilhon għajnuna u appoġġ u mhux min iwaqqagħlhom il-moral.

Share With: