“Hemm ħafna nies li m’għandhomx x’jieklu”

Il-Food Aid Project tirċievi 3,000 talba għall-għajnuna mindu bdiet il-kriżi tal-Coronavirus

Miktub Minn CARMEN CACHIA

It-tim tal-Malta Trust Foundation li tmexxi l-Food Aid Project bħalissa jinsab għaddej b’ħidma bla heda biex ilaħħaq maż-żieda f’daqqa fit-talbiet għall-għajnuna tal-ikel. Fi żmien ftit ġimgħat il-Food Aid Project irċieva kważi 3,000 talba minn persuni vulnerabbli, li jinkludu 800 familja, li s-sitwazzjoni tagħhom ġiethom agħar minħabba l-kriżi ekonomika li ninsabu fiha bħalissa minħabba l-Coronavirus.

Il-President Emmeritus Marie-Louise Coleiro Preca, Chair tal-Malta Trust Foundation, qalet lil inewsmaltali, “it-talb għall-għajnuna tal-ikel qiegħed jiżdied b’rata kbira. Jiena ninkwieta li l-ekonomija tal-pajjiż se ddum biex tirkupra wara l-kriżi tal-Covid-19 u dan ifisser li aktar familji u individwi se jkollhom bżonn din it-tip ta’ għajnuna”.  

Coleiro Preca b’dispjaċir qalet li hemm xi sidien ta’ postijiet li, minlfok qegħdin inaqqsu l-kera, qegħdin jippreferu li jitbattal l-appartament u l-familja tispiċċa bla saqaf fuq rasha. Hawnhekk hija appellat biex dawn is-sidien juru aktar ħniena ma’ dawn il-persuni u jkunu ta’ sostenn uman f’dawn iż-żminijiet verament diffiċli. 

“Minflok qegħdin inaqqsu l-kera, qegħdin jippreferu li jitbattal l-appartament u l-familja tispiċċa bla saqaf fuqrasha…”

M. L. Coleiro Preca

Ta’ kuljum il-Food Aid Project qiegħda tirċievi telefonati minn persuni ddisprati li m’għandhomx ikel x’jagħtu lil uliedhom u dan juri kemm l-effetti negattivi li din l-epidemija qegħdin iħallu. Ħafna persuni qegħdin isofru fis-soċjetà tagħna u m’għandhomx x’jieklu fosthom familji li spiċċaw tilfu x-xogħol, oħrajn li huma vulnerabbli minħabba abbuż ta’ sustanzi, missirijiet li ma jistgħux iħallsu l-manteniment, ommijiet single, ħaddiema barranin, nies li jgħixu f’appartamenti b’kera għolja, kif ukoll pensjonati bi dħul baxx.

Dan il-proġett ittella’ meta f’Malta bdew ikunu kkonfermati l-ewwel każijiet tal-Covid-19. Il-Food Aid Project beda jgħin lill-organizzazzjonijiet non governattivi li ma bdewx ilaħħqu mat-talbiet għall-għajnuna mill-Foodbank Lifeline Foundation, li ma setgħetx tkompli tieħu każi ġodda ta’ persuni fil-bżonn.

Fost l-organizzazzjonijiet li l-Malta Trust Foundation qiegħed tikkolabora magħhom hemm il-Caritas, il-Millennium Chapel, il-Little Sisters of the Poor, ir-Richmond Foundation, is-St Jeanne Antide u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali t’Għawdex. 

Sfortunatament ir-riżorsi ta’ dawn l-għaqdiet mhumiex ilaħħqu mad-domanda u hawnhekk qiegħed isir appell biex isiru donazzjonijiet ħalli ngħinu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fostna. 

Fil-messaġġ tagħha l-President Emmeritus Coleiro Preca qalet li l-għajnuna li qegħdin jagħtu hija biss possibbli grazzi għad-donazzjonijiet mogħtija minn għadd ta’ negozji lokali u appellat biex oħrajn isegwu dan l-eżempju bil-għan li l-Fondazzjoni tkun tista’ tkompli tgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Share With: