BOV Safe@Home – Inizzjattiva għall-Komunita’ mill-impjegati tal-Bank of Valletta

Bħalissa għaddejjin minn perjodu fejn il-ħajja kif nafuha tħarbtet. Dak li qabel kien normali, issa sar xi ħaġa tal-passat jew inkella tal-futur remot. Kulħadd qed ikollu jitgħallem jadatta għall-stil ta’ ħajja ġdida. Filwaqt li xi wħud addottaw din ir-realtà l-ġdida b’mod relattivament tajjeb, oħrajn sabu dan l-istil xi ftit jew wisq iebes u mimli sfidi, fejn iridu jlaħqu mal-impenji tad-dar u x-xogħol, l-edukazzjoni ta’ uliedhom waqt li jżommuhom impenjati biex ma jiddejqux, in-nuqqas ta’ ħajja soċjali kif ukoll jaraw x’ ser jagħmlu biex jgħaddu l-ħin.

Kien għaldaqstant, li l-impjegati tal-Bank of Valletta iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa dwar dan – billi jagħtu daqqa t’id lill-komunità li qed tibqa’ id-dar. Flimkien ħolqu l-BOV Safe @Home, inizjattiva fejn l-istaff tal-BOV qed jużaw it-talenti tagħhom biex joħolqu materjal oriġinali u divertenti fil-ħin liberu tagħhom, sabiex jaqsmuh mal-komunità lokali.

Riċetti, crafts, fitness, arti u numru ta’ attivitajiet oħra huma fost l-affarijiet li dawn l-impjegati tal-BOV ser ikunu qed jaqsmu. Huma qedgħin jipproduċu vidjows mid-djar tagħhom stess biex jaqsmuhom ma’ kull min qiegħed id-dar, dan għax jemmnu li l-kreattività tħalli ħafna effetti pożittivi fuq is-saħħa mentali, tgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda, filwaq li timla ftit mill-ħin li n-nies jista’ ikollhom fuq idejhom. Minn idea żgħira, din l-inizjattiva diġa’ kibret sew, b’aktar u aktar impjegati jikkontribwixxu billi jaqsmu t-talenti u l-passatempi tagħhom mal-komunità kollha.

Numru tal-Imsieħba tal-Bank, fost oħrajn, il-Fondazzjoni Wirt Artna, Teatru Manoel, The Malta Philharmonic Orchestra u Birdlife (Malta) mill-ewwel daħlu għal dan il-proġett BOV Safe @Home. Huma se jkunu qed jikkollaboraw bl-attivitajiet edukattivi u divertenti tagħhom, li permezz ukoll tal-mezzi diġitali tal-Bank, ser jitwasslu fid-djar ta’ kulħadd.

Biex tagħmel parti mill-BOV Safe@Home, sempliċement segwi l-paġna tal-BOV fuq Facebook (@bovofficial), il-BOV Instagram (@bovbankofvalletta)jew idħol fuq https://www.bov.com/content/bov-safe-at-home

Share With: