Screening għad-dimensja fuq l-anzjani kollha… tal-biża’?

08:17  |  19.04.2013

L-iscreeing li jsir fuq l-anzjani għal dimensja bikrija mit-tobba tal-familja jista’ jagħmel aktar ħsara milli ġid. Hekk sostna l-espert ewlieni Chris Fox li qal li n-nies mingħajr sintomi jistgħu jingħataw dijanjożi ħażina u jkollhom ħajjithom ipperikolata.

Qal li hu jemmen li l-pazjenti bi problemi żgħar ta’ memorja jistgħu jixorbu r-riżorsi tal-qasam tas-saħħa fl-Ingilterra li huma tant bżonnjużi għal dawk li għandhom kundizzjonijiet bħall-Alzheimer.

Madwar persuna minn kull tliet anzjani jiżviluppaw xi tip ta’ problema bil-memorja li tista’ tkun viżibbli fit-testijiet iżda li qatt ma twassal għal dimensja.

Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tas-Saħħa Ingliż, Jeremy Hunt jemmen li t-tobba qegħdin jirrifjutaw milli jwettqu t-testijiet għax m’hemmx kura disponibbli. Hu qiegħed jagħfas lit-tobba tal-familji biex jagħmlu ‘screening’ fuq in-nies għal sinjal ta’ dimensja, anke jekk dawn ma jkollhox sintomi ċari.

Minkejja dan, Fox li hu psikjatra speċjalizzat fl-Università ta’ East Anglia qajjem tħassib dwar l-impatt ta’ dawn it-testijiet fuq il-pazjenti. Qal li dawn it-testijiet tal-‘iscreening’ ifissru li n-nies se jingħataw dijanjożi ħafna żmien qabel ma jibdew juru s-sintomi u dan jista’ jqalleb il-ħajja tan-nies minn żmien qabel ma tqallibilhom id-dimensja nnifisha.

Żied jgħid li fuq livell personali jekk tkun taf li għandek il-marda se jwassal għal diversi tipi ta’ problemi, minn ansjetà u stress għall-pazjenti u l-familji tagħhom, sa anke telf ta’ indipendenza, impatt fuq il-karriera u iżolazzjoni soċjali. Bassar ukoll li somom kbar ta’ flus ikollhom imorru għal nies li jkollhom l-aspettazzjoni għal trattament u appoġġ, fl-istess waqt meta l-qasam tas-saħħa fl-Ingilterra qiegħed jiġġieled biex jaqdi lil dawk li għandhom dijanjożi ta’ dimensja.

Qal ukoll li t-testijiet kurrenti mhumiex robusti u hemm riskju ta’ dijanjożi ħażina. Għaldaqstant, dan it-taqlib jista’ ma jkunx bżonnjuż.

Intant, in-National Screening Committee Ingliż kien ikkonkluda fl-2010 li l-‘iscreening’ tal-Alzheimer m’għandux ikun offrut hekk kif falla milli juri li jista’ jagħti benefiċċji.

Fil-fatt, kelliem mid-Dipartiment tas-Saħħa Ingliżi qal li jaqbel mal-kumitat tal-‘iscreening’ li m’hemmx ġustifikazzjoni biex issir ‘screening’ tal-popolazzjoni kollha għall-Alzheimer.

Minkejja dan, Andrew Chidgey mis-Soċjetà tal-Alzheimer qal li l-iscreening tal-popolazzjoni vera mhix f’postha, iżda li tistaqsi lill-anzjani f’riskju għoli dwar il-memorja tagħhom hu vitali.

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment