Waqqaf ġuvni, ġiegħlu jmur jiġbed il-flus u serqu

11:51  |  05.03.2013

Clayton Fava ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti mixli li fis-26 ta’ Frar li għadda, fil-Floriana, seraq mat-€300 wara li ssekwestra persuna li kienet għaddejja mit-triq u ġiegħlha tmur tiġbed il-flus.

Huwa ġie mixli, quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, li seraq ammont ta’ flus għad-detriment ta’ Shaun Sammut, ġuvni ta’ 23 sena kif ukoll li bla ordni skont il-liġi, issekwestra lill-istess persuna kontra l-volontà tagħha u li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha.

Jirriżulta li Fava waqqaf lil Sammut, li nzerta għaddej fit-triq, talbu xi ħaġa tal-flus biex jixtri xi ħaġa x’jixrob u kif Sammut fetaħ il-kartiera, Fava ordnalu joħroġ il-‘card’ tal-bank u ġiegħlu jmur jiġbed il-flus. Kif Sammut ġibed il-flus, l-imputt ħatafhomlu minn idejh u ħarab minn fuq il-post.

Clayton Fava ġie mixli li sar riċediv minħabba sentenza oħra li ngħatatlu fis-sena 2010 quddiem l-istess Maġistrat.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur James Grech qal li l-akkużat għandu problema ta’ droga u kien qed jipprepara biex jibda programm ta’ riabilitazzjoni minn dan il-vizzju, iżda sfortunatament, il-kilba għad-droga wasslitu biex jagħmel dan ir-reat.

Huwa qal li l-Prosekuzzjoni ma tarax triq oħra ħlief dik ta’ sentenza ta’ priġunerija qrib il-minimu skont il-liġi, li tkun biżżejjed biex ikun jista’ jagħmel il-programm.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Mark Busuttil talab lill-Qorti biex tikkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet opportuni u idonei biex jgħinu lill-imputat biex ikun jista’ jagħmel il-programm u joħroġ minn dan il-vizzju u jegħleb darba għal dejjem id-diffikultajiet li għaddej minnhom bħalissa.

L-imputat ammetta l-akkużi kontrih u l-Qorti tagħtu sentenza ta’ 18-il xahr ħabs effettivi u għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex jieħu l-miżuri meħtieġa li jgħinu lill-imputt biex joħroġ mill-problema ta’ droga.

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment