"Bżonn urġenti ta' LSAs" - MUT

17:20  |  05.10.2012

F'konferenza tal-aħbarijiet il-Malta Union of Teachers (MUT) qalet li hemm bżonn urġenti li jkunu ngaġġati 'LSAs on call' biex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna tant vitali lill-istudenti bi bżonnijiet speċjali. Dan għal meta l-LSA tagħhom tkun ma tiflaħx jew fuq leave speċjali.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet l-MUT qalet li r-riforma tal-kulleġġi ma kellhiex iġġib magħha żieda fil-burokrazija anzi bil-maqlub. L-MUT appellat biex isir sforz biex proċessi burokratiċi żejda u ripetuti jkunu evitati minnufih. L-MUT tappella wkoll lill-awtoritajiet biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ riżorsi umani li jeżistu fejn jidħol xogħol klerikali u ta’ tindif. "L-ammont ta’ xogħol amministrattiv li jrid isir fl-iskejjel dejjem qed jiżdied u ftit li xejn tagħmel differenza l-kobor tal-iskola," saħaq Kevin Bonello, President tal-MUT.  

L-MUT tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa li l-Kapijiet tal-iskejjel tal-istat jitħallew jiżvolġu x-xogħol tagħhom b’mod dinjituż. "L-ebda Kap ta’ Skola ma hu assistent tal-Prinċipal tal-Kulleġġ. Ma dan jiżdied li l-MUT tistenna li tiġi kkonsultata meta jittieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kondizzjonijiet tax- xogħol," kompla jingħad. 

Intant, l-MUT tkellmet b'mod pożittiv dwar ix-xogħol kbir li sar mid-direttorati tal-edukazzjoni fejn jidħlu trasferimenti ta’ nies. "Fil-kuntest meta għandek diversi skejjel qed jagħlqu, jiċkienu jew jiftħu dan hu eżerċizzju diffiċli ħafna. Madanakollu l-Unjin tinnota b’sodisfazzjoni li saru konsultazzjonijiet xierqa magħha u ġew solvuti kważi l-intoppi kollha li nqalgħu," żied Bonello. 

L-MUT kellha kliem ta' tifħir għall-fatt li nżamm ir-ritmu ta’ bini ta’ skejjel ġodda u Campus tal-MCAST mill-FTS. Il-Union tawgura li dan ix-xogħol jibqa’ jsir bl-istess ritmu fis-snin li ġejjin u tittama li jkun hemm ukoll iktar investiment fil-manutenzjoni tal-iskejjel eżistenti. 

 

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment