“Qed naraw kampanja ta' biża' u gideb”

12:30  |  30.09.2012

“Qed naraw kampanja ta' biża' u gideb... din l-arma li se tkun użata. Diġà kien hemm numru ta' beżgħat bil-kju tar-reġistrar u gideb bil-bailout, l-istipendji tal-istudenti u issa l-paga minima.” Dan qalu l-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat f'attività politika f'Ħal Lija.

Muscat saħaq li l-paga minima m'għandiex x'taqsam mal-COLA. Huwa żied jgħid li dan il-kunċett il-poplu fehmu u li huwa l-Partit Nazzjonalita biss li qiegħed jgħid mod ieħor. 

Muscat tkellem ukoll dwar dak li kien qal tliet ġimgħat ilu persuna qrib il-PN li qal li taħt Gvern Laburista, Malta wara sentejn tmur titallab bailout. “Pajjiżna qatt ma jista' jkollu bżonn bailout għax mhux imdejjen ma' pajjiżi barranin imma ma Malta stess. Malta mingħand il-barrani tieħu għandha u mhux tagħti,” spjega Muscat. Huwa fakkar ukoll fl-istqarrija li ħarġet dan l-aħħar mill-aġenzija ta' credit rating, Finch fejn qalet li jkun min ikun gvern f'Malta jaraw li s-sitwazzjoni Maltija se tibqa' waħda stabbli.

Muscat tkellem ukoll fuq it-tender ta' privatizazzjoni tal-parkeġġi u l-mozzjoni kontra dan li ressaq f'isem il-PL id-deputat Joe Sammut. Muscat spjega li f'dan it-tender m'hemmx imniżżel kemm se jkunu r-rata ta' parkeġġ, imma li min jieħu t-tender jagħmel ir-rati hu. “Jien nifhem sitwazzjoni bħal din meta għandek għażla u għalhekk ikollok il-prinċipju tar-regoli tas-suq li jidħlu b'mod awtomatiku u li s-suq jagħti bilanċ. Imma ma nistgħux nagħmlu monopolju fejn inneħħu l-għażla u ngħidu lil min se jieħu t-tender biex jiċċarġja kemm irrid,” kompla Muscat.

Fid-dawl tal-fatt li dan it-tender se jagħlaq fis-26 ta' Ottubru, Muscat qiegħed jistenna li għada l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra jiddeċiedi li l-ewwel diskussjoni fil-Parlament tkun din il-mozzjoni. Il-Parlament se jerġa' jiftaħ għada wara l-vaganzi tas-sajf.

Muscat qal li gvern ġdid laburista se joħloq middle class ġdida. “Se nerfgħu lil ta' taħt u lil dawk li diġà qegħdin fin-nofs insaħħulhom idejhom, l-anzjanità ma tkunx tfisser nuqqas fl-għixien, l-istudenti se jkollhom opportunità aħjar, iż-żgħażagħ kollha mhumiex se jitħallew jaqgħu lura,” kompla Muscat.

Il-mexxej Laburista qal li l-poplu huwa għaqli biżżejjed u jaf u għaraf li żmien il-politika, fejn il-politiċi jwegħdu kollox u n-nies iċapċpulhom spiċċa. Huwa żied jgħid li l-PN mhux qed jinduna li l-familji għaqlin biżżejjed biex jagħrfu għażliet foloz.

Muscat qal li partit m'għandux jaħseb minn elezzjoni għall-oħra imma minn ġenerazzjoni għall-oħra. “GonziPN huwa tajjeb ħafna biex jirbaħ l-elezzjonijiet imma mhux tajjeb biex jiggverna,” kompla Muscat. L-għażla f'elezzjoni ġenerali mhix it-tmiem imma l-mezz, l-għan li bih titjieb il-ħajja tan-nies, żied Muscat.

Huwa spjega kif waħda mill-linji gwida li ħarġu mill-Kungress kienet għaqal bi flusek. “Ma jistax ikollox għaqal f'poplu u gvern sfratat. Nofs id-dejn kollu ta' Malta għamlu waħdu l-gvern imexxi minn Lawrence Gonzi. Gonzi huwa l-aktar Prim Ministru li għamel dejn mill-Indipendenza 'l hawn,” saħaq Muscat.

Il-mexxej Laburista fakkar ukoll fl-intervista ma' John Dalli li kienet ippubblikata ftit jiem ilu fejn qal li m'għadux jgħaraf lil PN. “Jien konvint li l-poplu Malti u Għawdxi huwa poplu bil-għaqal li jagħraf il-verità mill-gideb. Li jagħraf min qed ikun responsabbli u min min-naħa l-oħra qed jipprova jbellgħalu r-ross bil-labra.

“Wasal dak iż-żmien li nittimbraw ċar u tond li l-Partit Laburista u l-moviment madwaru huwa d-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha huma min huma. Biex insewwu dan il-pajjiż, biex nagħtuh aħjar milli sibnih, irrid ikun sforz ta' poplu wieħed li jemmen li quddiemna hemm futur li jgħaqqadna,” temm id-diskors tiegħu Joseph Muscat.

kummenti
1
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment

Thorny

   Sun 30-Sep-2012, 13:06

Mhux narawha biss, immanisimghuha u nhossuha wkoll bi stil veru Faxxist fjn gidba tintqal u tkompli tintqal u tigi ripetuta u jithol il-kor ujkompli tigi ripetuta sa kemm jiddahal id-dubju fuq IL-VERITA MAGHRUFA!

“Make the lie big, make it simple, keep saying it, and eventually they will believe it”
Adolf Hitler

“It is not truth that matters, but victory”

Adolf Hitler