Aġġornat (3): "Kienu ilhom ġimgħa mifthemin li se jisirquha u joqtluha"

17:39  |  24.09.2012

17.38  Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Chris Pullicino, qal li kien f’Mejju tal-2005 li daħlet l-informazzjoni u hu ħa azzjoni immedjata u kellem lill-akkużat, Saviour Mangion. Pullicino spjega kif fil-bidu Mangion ċaħad l-involviment tiegħu, iżda mbagħad ammetta u rrakkonta kif kienu seħħew l-affarijiet. Lil Pullicino, Mangion kien spjegalu li kienu tlieta min-nies li daħlu fuq l-anzjana hekk kif Leli Spiteri u Owaldo Spiteri kienu miegħu. Huwa kien qal li kienu miftehmin minn ġimgħa qabel li kellhom jidħlu fuq l-anzjana, jisirquha u joqtluha.

Id-dettalji li ta kienu jaqblu kważi bi preċiżjoni mal-investigazzjonijiet tal-Pulizija. L-akkużat kien anke ħa lill-Pulizija fuq il-post. Kien għadda lill-Pulizija mill-inħawi li għaddew biex waslu fir-residenza tal-anzjana, iżda l-ewwel darba kien tfixkel dwar liema kienet. L-għada, reġgħu marru fuq il-post u din id-darba ftakar liema kienet id-dar, li kienet fi Triq Serracino Inglott f’Bormla.

Leli Spiteri miet fl-2004 filwaqt li Oswaldo Spiteri beda jiġi interrogat. Għall-ewwel Spiteri ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ, iżda mbagħad ammetta. Pullicino żied jgħid li Spiteri ta l-istess dettalji li kien spjega Mangion u żied jgħid kif hu u Leli raw lil Mangion jagħti bis-sikkina lill-anzjana, huma telqu ‘il barra.

Wara li kixef x’ġara, Oswaldo Spiteri kien ipprova jagħmel suwiċidju waqt li kien għadu fil-lock-up, kien ittieħed lejn l-Isptar b’urġenza b’ambulanza iżda miet l-għada.

15.42: Il-ġuri ssokta u fir-rekwiżitorja, qabel bdew jittellgħu l-ewwel xiehda, l-Avukat Nadine Sant, spjegat li l-akkużat kien mar id-dar tal-anzjana  bi skop wieħed biss, li jisraqha.

L-avukat Sant qalet li dak iż-żmien, l-investigazzjonijiet ma kinux sofistikati daqs kemm huma llum u b’mod inuman, krudili u ebda forma ta’ ħsieb, daħal għandha u rraġuna li jekk joqtolha ħadd ma jinduna. Żiedet li dan għamlu minn jeddu, mingħajr ħadd ma sforzah jew talbu, taha kemm felaħ daqqiet sakemm waqgħet fl-art u ntilfet minn sensiha. Imbagħad, telaq ma’ raġel ieħor minn fuq il-post u rmew l-arma.

Ingħad li -akkużat irnexxielu jiskappa l-ġustizzja għal 20 sena sħaħ, iżda mbagħad inqabad minn jeddu stess, wara li beda jiftaħar b’dak kollu li għamel u li qatt ma nqabad.

L-Avukat Nadine Sant staqsiet x’hawn agħar milli tneħħi ħajja ta’ bniedem kapriċċożament. “F’lejl wieħed, f’ħin wieħed, f’ċirkostanza waħda, l-akkużat għamel erba’ affarijiet kontra l-liġi,” qalet l-avukat Sant.

“Tistgħu timmaġinaw x’ħasset dak il-ħin, kif werwruha,” żiedet tgħid Nadine Sant. “Talbuha l-flus, kien id-dlam u kif ħadulha l-flus, kellhom l-għażla li jitilqu l’barra għax kien id-dlam iżda minflok, l-akkużat, beda jagħtiha bis-sikkina, 13-il daqqa b’kollox. L-anzjana waqgħet fl-art u huma telqu l’hemm,” qalet Sant dwar l-akkużat li kien għad għandu 21 sena.

Intant, ċertu Oswaldo Spiteri, kien ammetta l-involviment tiegħu fl-istorja, li mar mal-akkużat għand l-anzjana bl-intenzjoni li jisirquha u li joqtluha. Sussegwentament, Oswaldo Spiteri kien għamel suwiċidju. Dan għamlu 20 sena wara li seħħ il-każ u wara li kixef x’ġara dakinhar li nqatlet l-anzjana.

11.22: Inqraw l-akkużi fil-konfront ta' Mangion. L-akkużi huma erbgħa; il-qtil ta' Stella Magrin, li kellu fil-pusses tiegħu strument bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-pulizija, is-sekwestru ta' persuna u s-serq. Skont l-akkuża wkoll Mangion kien ma' żewġ persuni oħra dakinhar li sar il-qtil, fejn wieħed baqa' barra r-residenza ta' Magrin u l-ieħor daħal miegħu. Kien Ugo Mifsud Bonnici, dak iż-żmien avukat, li sema' lill-mara tokrob u għamel rapport lill-pulizija. L-Imħallef Lawrence Quintano tkellem f'dik li tista' tkun deskritta bħala d-daħla tal-ġuri. Il-każ se jkompli jinstema' fis-14:30. Għall-Mangion qiegħed jidher l-avukat Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-avukat Nadine Sant qiegħda tmexxi l-prosekuzzjoni f'isem l-uffiċċju tal-avukat ġenerali. 

10.42: Saviour Mangion, ta 47 sena miż-Żejtun, wieġeb li mhux ħati li qatel lil Maria Stella Magrin. Dan il-qtil seħħ fit-30 ta’ Ottubru tal-1986. Mangion, magħruf bħala Kalanġ, huwa meqjus bħala l-uniku 'serial killer' Malti. Fil-fatt diġà nstab ħati ta’ żewġ omiċidji oħra.

Maria Stella Magrin, anzjana ta’ 68 sena, kienet instabet maqtula f’għadira demm f’darha. Mill-awtopsja kien irriżulta li l-vittma qalgħet 13-il daqqa ta’ sikkina. Mangion kien tressaq il-Qorti għall-ewwel darba b’rabta ma’ dan il-każ f’Mejju 2005.

F’Lulju ta’ din is-sena, Mangion għadda minn ġurin biex ikun deċiż jekk hux mentalment stabbli biex jgħaddi ġuri.  Fil-ġurin li kien instema’ Mangion kien instab li huwa mentalment stabbli biex jgħaddi ġuri b’seba voti kontra tnejn.

Wara li wieġeb li mhux ħati, bħalissa qegħdin jintagħżlu l-ġurati biex il-ġuri jkun jista' jinstema'. 

Ritratt: Mangion u meta sar l-aċċess fuq il-post tad-delitt fl-1986. 

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment