L-avukata li nstabet mejta f’Baħar iċ-Ċagħaq… saqet hi l-vettura fuq il-post

12:50  |  20.09.2012

It-Tabib forensiku Mario Scerri qal li kienet l-Avukat Margaret Mifsud li saqet il-vettura fuq il-post fejn instabet mejta fid-19 ta’ April li għadda.

Qal li m’hemmx indikazzjoni li xi ħadd tela’ fil-karozza minn fuq il-post fejn instabet mejta f’Baħar iċ-Ċagħaq, iżda jirriżulta li hija marret fuq il-post b’xi ħadd riekeb magħha.

Hu qal dan meta quddiem il-Maġistrat Saviour Demicoli, kompiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Nizar l Mustafa Algadi, mixli bil-qtil tal-eks-sieħba tiegħu, l-Avukat Margaret Mifsud, omm ta’ 31 sena. Hija kienet instabet mejta fil-karozza tagħha f’Baħar iċ-Ċagħaq fid-19 ta’ April li għadda.

It-Tabib Mario Scerri qal li wasal fuq il-post fit-3.00 p.m. u fuq is-‘seat’ tas-sewwieq kien hemm kadavru. Spjega li ġie elevat trab li kien hemm fuq it-tapiti tal-karozza. Barra dan kien hemm ħafna affarijiet fil-karozza, fosthom ġugarelli tat-tfal iżda l-iżjed importanti kienet ‘tissue’ fuq is-‘seat’ ta’ wara.

Fetaħ il-bieba tas-sewwieq, fejn kien hemm ras il-kadavru sserraħ mal-bieba. Is-‘seat’ tas-sewwieq kien miġbud kollu ’l quddiem, tant li l-irkoppa tas-sieq ix-xellugija kienet qiegħda tħabbat man-naħa ta’ quddiem. Il-kadavru nstab liebes żarbuna waħda u l-oħra kienet fl-art, fuq it-tapit. Iż-żraben kellhom tkaken twal.

Il-ħwejjeġ ma kinux spustjati, għajr il-qmis li kienet spustjata sa taħt is-sider, iżda l-buttuna u ż-żip tal-‘jeans’ kienu magħluqin. Fuq wiċċ il-kadavru kien hemm xi demm. Kien hemm demm li ħareġ mit-toqba tax-xellug tal-imnieħer u qagħad ħdejn l-għajn ix-xelugija, sakemm għaqad. Din kienet indikazzjoni ċara li l-kadavru ċċaqlaq wara li l-persuna mietet. Il-kadavru ttieħed lejn il-kamra mortwarja fejn ma nstabu l-ebda leżjonijiet fuq barra tal-ġisem.

Peress li ma kienx hemm raġuni ovvja dwar il-kawża tal-mewt ġiet ordnata li ssir awtopsja fejn instab li kien hemm tbenġila fuq wieħed mill-pulmuni. It-tabib mar l-Ingilterra u ħa miegħu kampjuni fejn instab li l-livell ta’ alkoħol fid-demm kien minimissimu u ma kienx hemm evidenza ta’ teħid ta’ droga.

Intant, it-trab li nstab fuq il-lok ma kellu x’jaqsam xejn mat-trab li kien hemm fuq it-tapit.

Intqal ukoll li l-mara kienet konxja waqt li kienet qiegħda tinqatel u setgħet tiddefendi ruħha għax ma kinitx taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew droga. Barra minn hekk, ma kien hemm ebda evidenza ta’ kommossjoni speċjalment fin-naħa tas-sewwieq.

It-tabib qal li min kien magħha, tela’ fuq sidirha u ppinnjalha sidirha mas-seat. Hi dehret li ma offriet ebda reżistenza għax kieku kien ikun hemm evidenza bħal tbenġil.

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment