Mudella ordnata tħallas €6,000 talli kisret kuntratt

15:05  |  19.09.2012

Tfajla li applikat biex tieħu sehem fil-konkors “Miss World Malta 2009” se jkollha tħallas €6,000 lill-organizzaturi wara li naqset li tattendi għall-attivitajiet kif kienet obbligata bil-kuntratt.

Diandra Agius, li għandha 22 sena, applikat biex tieħu sehem fil-konkors organizzat lokalment mill-kumpanija Modelle International li titmexxa bi sħab minn Suzanne Rossi u Claudia Dalli.

Il-kontestanti ffirmaw kuntratt bl-obbligi li kellhom isegwu sas-serata finali. Fost oħrajn, il-kontestanti kellhom jieħdu ħsieb ‘photo shoot’ kif ukoll jaħsbu għal xi ħaġa li xtaqu jsajru kollha fdaqqa peress li l-ewwel filmati kienu se jsiru ġo villa.

Dakinhar stess it-tfajliet iltaqgħu fil-villa imma Agius m’attenditx mingħajr ma avżat lil ħadd. Għalkemm it-tfajliet tal-grupp u l-organizzaturi ċemplulaha hija baqgħet ma weġbithomx. L-għada filgħodu skoprew minn fuq il-Facebook li qattgħet lejl barra. Għalkemm Agius ċaħdet dan u saħqet li kienet qiegħda l-isptar, il-Qorti qalet li din ma tat l-ebda prova li fil-fatt kienet l-isptar. 

L-organizzaturi ħassewhom iktar urtati meta Agius ħadet sehem fi programm televiżiv fl-istess żmien li suppost kienet qed tieħu sehem fil-Miss World Malta meta ma kelliex permess. Minn hemm ’il quddiem hija m’attenditx iktar laqgħat u lanqas ħadet sehem fis-serata finali. 

Kien għalhekk li Rossi u Dalli fetħu kawża fil-Qorti tal-Maġistrati fejn talbu li tħallashom kumpens ta’ €6,000 talli kisret il-kuntratt.

kummenti
2
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment

Aron Mifsud Bonnici

   Sat 22-Sep-2012, 20:28

Peress li kien hemm min ħaseb li l-kumment preċedenti kien tiegħi u rċevejt messaġġi dwar is-suġġett, nixtieq ngħid li mhux jien l-"A. Mifsud Bonnici" li ikkumenta dwar din l-istorja fil-21 ta' Settembru 2012.

A. Mifsud Bonnici

   Fri 21-Sep-2012, 19:05

Dawn it-tfajliet jiġu impressjonati li se jsiru famużi u jaqaw għal kull kuntratt, naħseb mimli bli small print. Parir tiegħi, qatt tiffirmaw bl-amment għax ix-sharks ikunu qed jistennew li tiżbaljaw biex jaqbżu fuqkom.