Ġenn mal-ewwel daqqiet tax-xita!

14:25  |  24.09.2012

Din is-sena suppost għandha tkun is-sena finali, il-‘final count down’, is-sena li fiha d-dinja kollha tispiċċa u aħna nsiru kollha storja antika. Suppost!
Għall-inqas il-profeziji u xi erba’ min-nies li moħħhom jiġri aktar minn Schumacher fiż-żmien il-Ferrari, hekk kienu qalulna, “fil-21 ta’ Diċembru, 2012, kaput, kollox se jispiċċa. Ħaġa li qatt ma waslu għal qbil fuqha, lanqas bejn l-erba’ esperti li jemmnu ċuċata bħal din, huwa kif se tispiċċa. Jista’ jkun terremot qawwi jew xi tempesta universali, ħeqq ħemm aħna ħbieb... tempesta universali!
Tempesta bħalma kellna Malta!
U jider li Malta qegħdin nemmnuha bil-qawwi din it-teorija, bejn in-nies kollha li faqgħu t-‘telephones’ tal-MetOffice biex ikunu jafu meta, x’ħin u kif ġejja t-tempesta u bejn in-nies imwerwrin wara l-ewwel tempesta tal-istaġun.
Ifhem tort sa barra ma nagħti lil ħadd għax vera li kien hemm erba’ inċidenti koroh ħafna, iżda jekk ma ndunajniex qlibna l-paġna tal-kalendarju... wasalna f’Settembru.
Issa nies, f’Settembru iva, nistennew ix-xita, iva nistennew temp inċert, iva jkun hemm is-sħab u fil-maltempati, speċjalment ta’ dan iż-żmien, fejn il-kurrenti sħan u kesħin ikunu mħawdin aktar mill-fwawar ta’ mara bil-menopawsa, iva jkun hemm il-beraq... u iva Malta qatt ma konna preparati għax-xita, għax jekk tibni pajjiż f’wied x’tistenna?

Jekk tipparkja l-karozza f’wied u tibda x-xita x’tistenna? Ma naħsibx li fiha xi sorpriża nobis li l-karozza tiegħek rabbiet is-saqajn u bdiet tifflowtja fl-ilma! Ma naħsibx li xi ħaġa ta’ barra minn hawn li wied iżomm l-ilma. Sa fejn jaslu l-erba ċelluli ta’ moħħi, dak huwa xogħol il-wied.
Qabel ninsa, ix-xadini... kont qed ngħid li hawn min din l-istorja tat-tempesta qed jeħodha bis-serjetà ħafna u dan jidher li ddeċieda li jarma l-arka ta’ Noè, ma nafux fejn, iżda hekk jidher. Min fejn ġibt din it-teorija splendida? Sempliċi. Għax ma nistax insib raġuni oħra għaliex dan l-aħħar qegħdin jinstabu diversi annimali jiġru barra u mhux il-povri klieb jew qtates li naraw ta’ kuljum, le ma tarax, issa qegħdin naraw sriep, xadini Afrikani, nies imexxu lis-sriep biċ-ċineg tal-klieb, imbagħad hemm il-famużi tigri li kienu fuq is-saqaf, flamingos fil-ġonna... x’jonqos? Insibu xi kukkudril il-Wied tal-Imsida!
‘Please note’ wkoll li din ix-xadina bdiet tosserva l-armata Maltija waqt it-taħriġ tagħhom! Hmmm min jaf x’inhu għaddej minn moħħha, tgħid xi ‘evil monkey’ qiegħda tikkomplotta xi ħaġa?

Ġenn, ġenn u ġenn biss, kollox mal-ewwel daqqiet tax-xita!

kummenti
0
 
(imla l-kaxxi kollha)
Isem
Imejl
Telefon
Kumment