![]() |
Xemxi |
|
18° C |
|
12° C |
|
3 |
|
80% |
86 - 26 - 16 - 68 - 03 - 69 - 60 - 28 (11 ta' Mejju 2013)
24 - 13 - 19 - 45 - 37 (15 ta' Mejju)
Suppost indipendenti, il-Bank Ċentrali ta’ Malta hu mmexxi min-nies li huma Nazzjonalisti dikjarati, b’eks-ministru Nazzjonalista tal-ekonomija bħala l-Gvernatur. Għalhekk twissija li dehret fl-aħħar rapport ta’ kull tliet xhur maħruġ mill-Bank fiha x’tomgħod. Skont il-Bank, il-gvern irid jaħseb għal aktar miżuri ta’ “konsolidament fiskali” – jiġifieri jnaqqas aktar mill-ispiża tiegħu, wara li diġà qasqas xi €40 miljun ewro fuq kmand tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-BĊ jqis li l-ispiża tal-gvern qed tiżdied wisq waqt li t-tkabbir ekonomiku qed jogħtor – u dan skont ir-riżultati tal-ewwel tliet xhur ta’ dis-sena. Fit-tieni tliet xhur jidher li l-perspettiva kompliet “teħżien”. Imma ninsabu lejliet elezzjoni. Il-gvern hu mdorri jroxx il-flus bl-addoċċ fix-xhur ta’ qabilha biex jakkwista l-voti.
Il-Bank Ċentrali hu mdejjaq għax il-gvern se jirrokka kontra r-regoli taż-żona ewro u l-wegħdi li għamel lill-Kummissjoni Ewropea. Lili aktar idejjaqni l-fatt li qed joħorġu fil-beraħ il-problemi strutturali fl-ekonomija ħtija tal-fatt li ma investejniex biżżejjed matul is-snin. Il-magna produttiva tagħna mhix mifruxa daqs ta’ ħaddieħor. F’ċerti oqsma hi dgħajfa jew antikwata.
Turiżmu
Qasam li jeħtieġlu aktar attenzjoni u anqas kompjaċenza milli qed jingħata hu t-turiżmu. Għaddejjin bidliet kbar fil-mod kif jinħadem it-turizmu internazzjonali u ma jidhirx li għandna kuxjenza strateġika dwar kif se ngħaqqdu l-forzi kollha f’dan il-qasam biex nippożizzjonaw ruħna mill-aħjar li nistgħu. Nikkonslaw għax minn sena għall-oħra ċ-ċifri tat-turisti li jżuruna jkunu tajba jew kważi tajba, waqt li l-Air Malta tagħmel minn kollox biex ma tikkraxxjax. Il-lukandiera jżommu fil-wiċċ billi jnaqqsu l-prezzijiet u l-ispejjeż, ħaġa li żgur tirrifletti fuq il-kwalità. Sadattant partijiet mill-infrastruttura li jservu wkoll għas-sostenn tat-turizmu, bħat-trasport pubbliku, l-indafa fit-toroq u t-telefon għal barra, xejn mhuma jkunu ta’ għajnuna.
Ftakar
“Ftakar” hu CD interessanti ħafna imtella’ mill-grupp The Big Band Brothers li jippreżentaw fuq stil modern, kanzunetti Maltin tas-snin sittin sal-bidu tat-tmeninijiet. Il-Big Band Brothers għandhom eleganza u briju li ma bħalhom. Żgur iqanqlu nostalġija qalb dawk li jiftakru l-interpretazzjonijiet oriġinali. Fost l-ismijiet ta’ awturi, mużiċisti u interpreti li xogħlijiethom jingħataw ħajja ġdida fi “Ftakar” hemm Carmelo Zammit, Albert Cassola, Joe Grech, Ġorġ Zammit, Paul Abela, Charles Camilleri, Joe Friggieri, Raymond Mahoney u Ray Agius. Laqatni l-aktar isem Alfred C. Sant. Snin ilu konna skużajna ruħna ma’ xulxin għax in-nies tħawwadna wieħed ma’ l-ieħor peress li għandna l-istess isem. Jien ma kontx niddejjaq jaħsbuni kapaċi nikteb kanzunetti bħal tiegħu; aktar nissuspetta li kellu problemi hu, jaħsbuh jien. Insellimlu.
alfredsant.org