Cory Greenland
Cory Greenland huwa uffiċjal tal-GWU responsabbli mit-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi. Isegwi l-qasam tax-xogħol, ir-relazzjonijiet industrijali u ġrajjiet kurrenti. Huwa gradwat mill-Università ta' Malta b'Baċċelerat fil-Komunikazzjoni, Masters fl-Istudji Ewropej u Dottorat fil-Liġi. Għandu ‘warrants’ ta' għalliem u ta' Nutar.
John C Debattista
Aktarx li l-aktar kritiku televiżiv mibgħud f'Malta. Imma x'tagħmel?
John C Debattista m’għandux ħajta f'ilsienu. Għalhekk li forsi għal żmien twil, fit-TORĊA, kull nhar ta' Ħadd kienu jsegwuh daqstant qarrejja. Issa f'inewsmalta.com qed jara opportunità ġdida. Dik li jitlaq darb'għal dejjem it-typewriter u jibda jħarbex fuq il-kompjuter... dejjem bl-assistenza tan-neputija.
Josephine Gatt Ciancio
Josephine Gatt Ciancio hi eks għalliema u eks uffiċjal amministrativ. Għandha B.A. u MSc. Ippubblikat żewg kotba, “ Power To The Man In The Street” u“ Tomorrow We Shall Be Here." Mistenni tippubblika ktieb ieħor bl-isem “ Prisons No More.”
Alfred Sant
Alfred Sant twieled fl-1948. Studja l-fiżika, id-diplomazija, l-ekonomija u l-amministrazzjoni. Għex u ħadem f’Malta, Franza, l-Belġju, u l-Istati Uniti. Attiv fil-politika mal-Partit Laburista, fil-ġurnaliżmu, fil-konsulenza u fil-kitba letterarja u analitika. Fost l-aħħar kotba li ppubblika: ir-rumanzi L-Għalqa tal-Iskarjota u Bħal f’Dizzjunarju; u r-rapportaġġ ta’ attwalità finanzjarja Malta u l-Ewro.
Matthew Paris
Gradwat mill-Università ta’ Londra fl-ekonomija, il-management u t-teknoloġija tal-informatika. Matthew Paris għandu 30 sena u huwa wkoll gradwat mill-Università ta’ Malta fis-soċjoloġija u l-liġi. Qiegħed jagħmel teżi dwar ‘online dispute resolution’ biex jikseb dottorat fil-liġi. Matthew huwa wkoll kunsillier fil-lokalità tal-Floriana f’isem il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li huwa wkoll involut fil-qasam sportiv b’mod partikolari l-futbol.
Kristabelle Catania
Twieldet fl-1990 u kibret bl-ideal tal-libertà għalhekk tisħaq li l-poplu għandu d-dritt li jistaqsi u jinvestiga l-fatti biex jibni l-opinjoni tiegħu. L-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti mhumiex biskuttini f’ħalq il-ħmir. Dan il-prinċipju tħadnu fil-kitbiet tagħha għat-teatru u għall-programm One Cocktail fuq One radio. Taħdem ukoll bħala ġurnalista filwaqt li qed tkompli l-istudji tagħha fil-komunikazzjoni u l-lingwi klassiċi fl-Università ta' Malta.
Simone Cini
It-temi soċjo edukattivi minn dejjem kienu fuq nett tal-aġenda tagħha. Illum, anke jekk m’għadiex taħdem fit-taqsima tal-aħbarijiet, għadha tagħtihom importanza fil-programmi tagħha. Simone Cini temmen li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta taċ-ċiviltà u l-uniku mezz kif tista’ ssolvi ħafna mill-problemi soċjali li jirrenjaw fil-pajjiż.
Għandha għal qalbha wkoll is-suġġetti tan-nutriment u s-saħħa, għax temmen li s-saħħa tmur id f’id mal-edukazzjoni. Id-drittijiet tal-annimali hija tema oħra li mingħand Simone nistennew ħafna kontribuzzjonijiet dwarha.
Cyrus Engerer
Malta fl-UE, id-drittijiet ċivili u t-tisħiħ tal-batut fis-soċjetà huma t-temi li l-iktar jinteressawh. Qatt ma ddejjaq jgħid dak li jemmen fih u jqis il-kitba onlajn bħala l-aqwa għodda biex twassal messaġġ. Cyrus Engerer beda l-involviment tiegħu fil-politika fil-kampanja referendarja dwar l-UE, kien Viċi-Sindku f’Tas-Sliema u flimkien ma' oħrajn kien parti mill-kampanja favur il-liġi tad-divorzju. Illum attiv fil-Partit Laburista u l-Fondazzjoni IDEAT. Interessat fil-politika, komunikazzjoni, social-media, arti u kultura.
Mark Cutajar
Magħruf li jgħidha kif iħossha. Mark Cutajar huwa għalliem gradwat fil-Matematika. Fil-preżent huwa Direttur ta' l-Isport fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti. Għandu esperjenza twila fil-midja u fil-preżent huwa wkoll Kap ta' One Sport. Fil-passat kien President ta' Marsaxlokk Waterpolo Club u Viċi President ta' Marsaxlokk Football Club.
Tanja Cilia
Tanja Cilia m’għandhiex ħajta f’ilsienha: iżda tikkomunika bil-kitba wkoll, jekk u fejn ikun hemm bżonn.
Kevin Drake
Kevin J Drake huwa Jien, fil-fatt. Malti li qed joqrob in-nofs seklu fl-età u mhux miexi għalkollox fuq ir-rubini. Għext u ħdimt f'bosta postijiet u oqsma differenti, fosthom fix-xandir u l-ġurnaliżmu, il-politika u fil-forom varji ta' komunikazzjoni. Għandi opinjonijiet u ma niddejjaqx naqsamhom ma' ħaddieħor... Anzi! Inħobb, fuq kollox, niddiskuti IDEA+, jiġu mnejn jiġu. KOLLOX jibda minn sempliċi IDEA.
Robert Musumeci
Robert iggradwa bħala perit u kiseb Masters Degree fil-qasam tar-restawr. Iffoka l-professjoni tiegħu dwar aspetti ta' ippjanar b’enfasi fuq l-aspett legali u proċedurali.
Għal snin twal kien attiv fil-politika mal-PN. Iddeċieda li jirtira wara li qal li l-pożizzjoni tiegħu ma kinetx baqgħet 'tenibbli'. Dan wara li hu, flimkien ma' numru ta' esponenti oħra fil-PN kienu suġġetti għal attakki orkestrati.
Osservatur politiku u jikkontribwixxi b'mod regolari fuq il-media - kemm dik tradizzjonali u anke permezz ta' networks soċjali.