L-ELEZZJONIJIET ĠERMANIŻI

  • Aww 21, 2013 15:47
  • Miktub minn

    Sakemm jgħaddu l-elezzjonijiet federali Ġermaniżi, il-politika Ewropea mistennija tibqa’ kajmana, b’kulħadd jevita li joħloq problemi għall-kanċillier Merkel. Għal xi ħin, hi kellha għal fejn tinkwieta: kien irriżulta li s-servizzi sigrieti Ġermaniżi kkollaboraw ma’ dawk Amerikani biex jispjunaw fuq il-Ġermaniżi. Merkel sostniet li hi ma kintix taf bil-biċċa. Imbagħad instab li fil-kanċellerija tagħha, kienu jafu u jaqblu ma’ li kien għaddej. Madankollu, jidher li wara l-iskoss fl-opinjoni pubblika malli dil-ħaġa saret magħrufa, l-appoġġ għaliha baqa’ sod fost l-elettorat.

    Lill-kanċellier qed tgħinha l-klima ta’ fiduċja kawta li nbniet matul is-sajf. L-aħħar statistika uriet li l-ekonomija tal-Ewropa bdiet tikber. B’rata dgħajfa veru, imma aħjar hekk milli bil-maqlub.

    Sadattant, saret esiġenza kruċjali għal Merkel li ż-żona ewro tinżamm kwieta. Hawn ukoll daħal ottimiżmu prudenti.

    L-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-Greċja se jkollha bżonn li parti oħra mid-dejn enormi li għadha ġġorr tinħafrilha. Din l-aħbar kienet tinfjamma l-opinjoni pubblika Ġermaniża kontra Merkel. Għalhekk malajr malajr indifnet.

    ENERĠIJA LI TIĠĠEDDED

    Aktar ma nisma’, aktar niddubita kemm jgħoddu għal Malta l-miri biex il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jdaħħlu sorsi ta’ enerġija tiġġedded għall-konsum, minflok enerġija minn sorsi li ma jiġġeddux, bħaż-żejt u l-gass.

    Minnhom infihom, il-miri huma tajba. Kif tista’ tkun kontra tagħhom, aktar u aktar meta jitgħaqdu ma’ miri għall-użu ta’ enerġija nadifa?

    Biss, il-mistoqsija trid tkun ukoll: huma miri prattiċi u realisti għal Malta? Intefqu ħafna flejjes fuq studji u proposti għal enerġija mir-riħ u mix-xemx, fost oħrajn.

    Saru ħafna wegħdi u bqajna fejn konna. Sempliċement il-gżejjer huma ċkejkna wisq biex jakkomodaw it-teknoloġiji meħtieġa.

    Nistgħu naqgħu għall-importazzjoni ta’ enerġija li tiġġedded. Wisq nibża’ li dan għad jispiċċa bħaz-zalza li tiġi ogħla mill-ħut.

    OPPORTUNITÀ

    Fuq Smash TV, bdejna sensiela ta’ programmi fejn ma’ Karen Magro, niddiskuti żviluppi riċenti f’oqsma differenti tat-tmexxija Ewropea. Mhux suġġett eċitanti għal ħafna. Barra milli hu tekniku, għandu aspetti li numru ta’ nies iqisuhom diffiċli biex tifhem. Mentri l-istess aspetti jmorru għall-qalba ta’ kif jgħixu l-familji u ta’ kif jistgħu jilħqu l-aspettattivi tagħhom għal ħajja aħjar.

    Fattur ieħor f’dan kollu hu kif politika f’diversi setturi li tkun imfassla biex tiġi mħaddma mal-Ewropa kollha, tolqot lill-gżira tagħna fejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja huma differenti sew minn dawk ta’ pajjiżi kontinentali kbar.

    Kollox ma’ kollox, il-programmi qed jipprovduli opportunità biex nirrifletti b’mod sistematiku dwar ir-rabtiet li jeżistu llum bejn Malta u l-bqija tal-Ewropa.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 2

  •  
    anonimu
    Aww 23, 2013

    Uturns, wahda wara l-ohra. Mela issa ma rebahx il-partnership? Ara veru kaz ta' Only in Malta at PL.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Aww 24, 2013

    Mela l ewwel fqajt partit u pruvajt tkisser lil perit DOM MINTOFF IZDA FALLEJT BIL KBIR u issa ghal ewropa tista tkun bravu u akkademiku izda hijus ma ghandekx sinsla kieku int RAGEL TA VERA MESSEK QAGHAD GHAL KWIET TIKTEB XI RUMANZ

    Irrispondi