Tnissil ta' ulied barra l-ġuf

  • Aww 02, 2012 06:23
  • Miktub minn

    Jien wieħed mill-maġġoranza kbira f’dan il-pajjiż li temmen fil-kobor tal-ħajja tal-bniedem u fil-ħtieġa li nissalvagwardjawha b’rispett u ħniena. Għalhekk, koppji stabbli li jixtiequ jwelldu u ma jistgħux għal raġunijiet ta’ infertilità, għandhom jingħataw kull opportunità biex jassumu din ir-responsabbiltà nobbli. Metodi mediċi ġodda (uħud imsejħa IVF), saru jnisslu l-ħajja barra l-ġuf. Għandhom jitqiesu bħala don kbir lill-ħajja u lill-koppji msakkra fl-infertilità. Minkejja l-problemi “etiċi” li jissemmew, ma nifhimx għaliex il-gvern ittituba daqstant biex jippreżenta abozz ta’ liġi li tirregola b’mod ġust kif jitħaddmu l-metodi tal-IVF.

    Diġà qamu argumenti kontra u favur l-abbozz tal-gvern. Hemm mod sempliċi kif nimxu ’l quddiem. Kumitat tal-Parlament immexxi mid-deputat Jean Pierre Farrugia kellu fuqu l-aħjar imħuħ minn fost id-deputati li jifhmu fil-kwistjoni. Il-kumitat għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Irridu nistaqsu fejn il-gvern żamm mal-konklużjonijiet tal-kumitat tal-onor J P Farrugia, u fejn le. Il-konklużjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu l-bażi tal-liġi aħħarija fuq l-IVF. Xejn aktar, xejn anqas.

    Riforma

    Il-kelma riforma suppost tfisser ħidma għal titjib fis-soċjetà – kelma li drajna nisimgħuha ħierġa minn kull rokna tal-gvern. Saret tbeżżagħni. Taħt gonzi-pn, riforma saret tfisser ħafna kliem vojt ta’ pubbliċità, pjani li jitħallsu bil-belli liri lil konsulenti magħrufa jew le, ċaqliq lil hemm u lil hawn ta’ uffiċċji u persuni, taħwid qawwi fost uffiċjali tal-gvern u fost iċ-ċittadini, sparpaljar ta’ flus... sakemm il-qagħda li nsibu ruħna fiha, tkun agħar jew kważi minn dik li nkunu tlaqna minnha. M’inix se noqgħod insemmi eżempji: hemm tant minnhom! Gvernijiet futuri jaqblilhom jabbandunaw l-użu tal-kelma riforma – imisshom jagħmluha tabù, u jivvintaw xi kelma oħra għal meta jkunu jridu jdaħħlu xi bidla “għall-aħjar”.

    Chandler

    Raymond Chandler kien jikteb thrillers fis-snin 20 u 30 tas-seklu l-ieħor. Ismu ma’ dak ta’ Dashiell Hammett għadu jqanqal interess. Hu magħruf l-aktar għall-istejjer dwar id-didektiv Marlowe f’rumanzi bħal “The Long Goodbye”. L-influwenza tal-kitba tiegħu – preċiża, konkreta, vjolenti, ċinika – baqgħet tinħass fost kittieba Amerikani bħal Ed Mc Bain u Robert Parker, u Ewropej bħal Per Wahloo; anke fost il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom. Qrajt erba’ “novelletes” minn xogħlijiet minuri tiegħu tas-snin 30 – bħal “Pick-Up on Noon Sttreet” u “Smart Aleck Kill”. Sparar, drogi, korruzzjoni, tipjip, xorb, sess fl-isfond – jiddominaw l-azzjoni li ddur maċ-ċentri urbani ta’ Los Angeles u Hollywood. Tibqa’ taqra. Ċerti laqtiet stilistiċi mhux ta’ min jarmihom. Problema: ftit wara li tispiċċa “novelette”, issib li diġà kważi nsejt kollox minnha!

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Aww 02, 2012

    Spot On. Dejjem qisna se nivvintaw ir-rota mill-gdid. Jekk kien hemm rapport tajjeb ghax ma ntuzax hu u daqshekk!

    Irrispondi