TRAFFIKU U TRASPORT

  • Ġun 30, 2013 16:21
  • Miktub minn

    Sa minn qabel il-fjask tal-Arriva, innotajt kif fil-konversazzjonijiet saru jissemmew dejjem aktar ta’ spiss il-problemi tat-traffiku u t-trasport.

    Problemi ta’ parkeġġ; konġestjoni fit-toroq; trasport pubbliku li jaħdem bis-sulluzzu, jew organizzat ħażin. Problemi ta’ sewqan ħażin, jew traskurat, jew dominat minn egoiżmu sfaċċat.

    In-nuqqasijiet tat-trasport pubbliku kabbru l-ħeġġa tan-nies ħalli jixtru l-karozzi tagħhom. Iż-żieda tal-karozzi privati fit-toroq kabbret il-konġestjoni. L-aqwa ambizzjoni ta’ bosta Maltin saret li jixtru karozza.

    Sa issa l-isforzi biex dan il-kaos jiġi “riformat” żiedu l-problemi.

    Ħabib tiegħi għandu soluzzjoni interessanti għal dan kollu: il-bini ta’ żewġ mini li jiltaqgħu perpendikolarment ma’ xulxin fin-nofs. Hemm jitpoġġa stazzjon ċentrali, bi stazzjonijiet terminus fl-erba’ trufijiet tal-linji. Minnhom jitilqu l-karozzi tal-linja għaż-żoni ta’ madwar.

    L-idea hi inġenjuża. Tirrekjedi fondi kbar ta’ investiment. Niddubita kemm jirnexxielha trażżan il-kilba tal-Maltin biex jakkwistaw karozza tagħhom.

    ANNULLAMENT

    Il-ftehim mal-Vatikan biex l-annullament ta’ ċerti żwiġijiet isir biss skont il-liġi tal-Knisja kien wieħed fażull sa mill-bidu nett. Fil-bidu tas-snin disgħin, il-gvern ta’ Fenech Adami, bid-deputat Prim Ministru Dottor Guido Demarco l-arkitett prinċipali tal-proġett, baqa’ jinsisti biex il-Knisja tingħata d-dritt li tħoll hi biss l-effetti ċivili ta’ żwieġ “Kattoliku”.

    Instabet soluzzjoni biżantina dwar kif dan seta’ jsir, imfassla l-aktar biex tilqa’ għall-eżiġenzi ta’ ekkleżjastiċi li riedu jibqgħu jikkontrollaw il-ħajja privata tal-koppji. Kemm-il darba ġie jarani n-Nunzju Apostoliku, dak iż-żmien Monsignor Celata, biex ifissirli kemm l-arranġament kien serju. B’xejn ma ried jaqbel li se jdaħħlu sistema kuntrarja għall-ispirtu taż-żminijiet.

    Għamel tajjeb il-Prim Ministru Joseph Muscat li qajjem mal-Vatikan il-ħtieġa li l-ftehim dwar l-annullamenti taż-żwiġijiet jiġi annullat. Forsi jgħodd għall-Iran, imma f’pajjiż Ewropew m’għandux post.

    HERMANN

    “Il-Konverżjoni tal-Lhudi Hermann” ta’ Jean-Claude Schmitt hu ktieb differenti mill-oħrajn. Jittratta dwar awtobiografija miktuba lejn nofs is-seklu 12 minn patri f’abbazija fit-tramuntana tal-Ġermanja li jistqarr kif beda ħajtu bħala membru tal-komunità Lhudija. Imbagħad Hermann għax hekk jismu l-kittieb, jirrakkonta kif ikkonverta għall-Kattoliċeżmu.

    Id-dokument hu kważi uniku fil-letteratura tas-seklu 12. Tqabbel mal-“Istqarrijiet” ta’ Santu Wistin. Imma qanqal ukoll matul is-sekli polemika dwar kemm seta’ kien awtentiku.

    Schmitt jifli l-argumenti kollha li ntużaw f’din il-polemika u janalizza t-test ta’ Hermann (Judas ben David ha-Levi fiż-żmien meta kien għadu jitqies bħala Lhudi),. Parti mill-konklużjoni tiegħu hi li f’każ hekk, ma nistgħux inkejlu xinhu ġenwin jew falz, xinhu storiku jew ivvintat, bil-kriterji tal-lum.

    Il-ktieb bilfors hu ta’ interess kbir għall-istudjużu u t-teoriċi tal-istorja. Qarrejja aktar profani, bħali, isibuh affaxxinanti.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0