IL-ĦADD F’GĦAWDEX

  • Ġun 03, 2013 16:47
  • Miktub minn

    Il-Ħadd f’Għawdex fir-rebbiegħa għadu interessanti daqs kemm niftakru. Ili ma nkun hemm fi żmien hekk: iċ-ċentru tar-Rabat madwar it-Tokk kien ifawwar b’allegrija kwieta. Dawk kollha li ltqajna magħhom, jew hekk stħajjilt, donnhom kienu konxji mill-fatt li l-Ħadd hu jum ta’ btala. Trid tgawdieh.

    L-istess ix-Xagħra: il-pjazza kbira quddiem il-knisja, b’tapit ta’ friegħi imħallija mill-purċissjoni ta’ Corpus Christi kellha arja ta’ btala, b’nifs il-kampanja mhux wisq bogħod. Fil-fatt l-għelieqi ta’ bejn ir-Rabat u hawn kienu bħas-soltu jħaddru ħafna aktar milli jagħmlu l-għelieqi ta’ Malta. Donnhom jistgħu jżommu aħjar l-umdità ta’ xita li tkun niżlet f’ġimgħat imbiegħda.

    Bħas-soltu wkoll, kelli nistaqsi lili nnifsi: imma kif ġara li l-poplu tagħna sal-lum għadu ma rnexxilux isostni lil Għawdex b’mod sħiħ bħala ġawhra turistika?

    KONTRADIZZJONI?

    Id-defiċit fil-baġit pubbliku Franċiż ilu li qabeż it-3 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija kif ikalkolat mill-prodott gross domestiku. Il-Kummissjoni Ewropea tat żmien extra lil Franza biex issewwi dil-“problema”. Issa, għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, fosthom li l-gvern iżid l-età tal-pensjoni.

    Il-President Hollande minnufih qal li l-Kummissjoni m’għandha l-ebda dritt tgħid lill-gvern x’għandu jagħmel. L-għada, waqt żjara tal-kanċellier Ġermaniża Merkel f’Pariġi, Hollande ippropona li ż-żona ewro twaqqaf “gvern” ekonomiku li jiggwida l-politika finanzjarja tal-pajjiżi membri. Ikollu l-funzjoni, fost oħrajn, li jqarreb lejn xulxin it-taxxi ċċarġjati mill-pajjiżi ewro.

    Merkel qablet minnufih: “gvern” ekonomiku ta’ dat-tip se jħaddem il-prinċipji ta’ tmexxija ssettjati jew iddettati minn pajjiżha.

    Mhux ta’ b’xejn li l-ġurnal “Le Monde” stagħġeb bil-kontradizzjoni li tinsab fil-qalba tal-politika Ewropea ta’ Franza.

    MOUSTAKI

    Georges Moustaki miet ġimgħa u nofs ilu. Sal-aħħar żamm l-awra ta’ bniedem ġentili u mqareb – bħala xwejjaħ li rtira u baqa’ jkanta biss għalih innifsu.

    Kien stilla tal-mużika popolari Ewropea sa mis-snin ħamsin, meta kiteb kanzunetti għal Edith Piaf, “Milord” fost oħrajn. Ir-relazzjoni amoruża li kellu magħha servietu ta’ publiċità utli. Sadattant, il-kanzunetti li kiteb u kanta, u fuq kollox it-talent ta’ mqareb ġentili, affermaw ruħhom.

    Fl-1969, il-kanzunetta “Le Meteque” kienet suċċess enormi mal-Ewropa kontinentali – kienet qisha risposta għat-temi mxerrda mill-moviment tal-“hippies”, ċelebrati fil-mużika tax-xow “Hair” li għamel sensazzjoni fl-istess żmien.

    Hekk l-ewwel li sirt naf b’Moustaki. Bqajt insegwih wara... mill-bogħod għax f’Malta ftit kien magħruf. Hawn aktar kien jissemma ieħor tal-ġenerazzjoni tiegħu, Serge Reggiani. Fil-fatt it-tnejn għamlu verżjonijiet tal-istess kanzunetti stupendi bħal “Il-Libertà Tiegħi” u “Is-Solitudni”, ukoll ta’ Moustaki.

    Erġajt smajt id-diski kollha tiegħu li ġbart matul is-snin. Għadhom jogħġbuni... bis-sentimentaliżmu mqareb tagħhom b’kollox.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0